Il-Qorti tal-Appell ikkonferma sentenza fil-konfront ta’ Raymond Cutajar, ħaddiem taċ-ċivili hekk kif ma kienx instab ħati mill-ewwel Qorti ta’ frodi u miżapproprjazzjoni wara li nstabet diskrepanza ta’ €41,000 fil-Ministeru li kien jaħdem fih.
Il-Prosekuzzjoni kienet qalet fil-Qorti li Cutajar kien impjegat bħala skrivan fil-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima. Parti mix-xogħol tiegħu kien ix-xiri u jagħti top-up cards bejn l-2014 u l-2016.
Minn investigazzjoni interna li kienet saret kien irriżulta li f’dawn it-tliet snin kienu nħarġu €48,555 għal top-up cards, iżda fil-verità tqassmu biss cards fl-ammont ta’ bejn €7,000 u €7,500, b’diskrepanza ta’ madwar €41,000.
L-ewwel Qorti fis-sentenza tagħha kienet qalet li qieset ix-xhieda u l-provi u kienet qed teħles minn kull ħtija lil Cutajar. Iżda l-Avukat Ġenerali appella mis-sentenza u qal li l-imputat kellu jinstab ħati abbażi d-dokumenti ppreżentati bħala parti mill-investigazzjoni li saret.
L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera fis-sentenza tagħha wara li sar l-Appell, qalet li kienet qiegħda taqbel mas-sentenza tal-Ewwel Qorti fejn kien ġie stabbilit li d-dokumenti ma kinux ġew awtentikati, u għalhekk ma setgħux jintużaw bħala l-aħjar prova.
Qablet ukoll mal-ewwel Qorti fid-distinzjoni bejn prova ta’ irregolarità amministrattiva u prova ta’ reat kriminali, li jrid iwieġeb għalih personalment l-akkużat.
L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera qalet li l-Prosekuzzjoni ma ressqietx biżżejjed provi biex tistabilixxi kemm kellhom jinħarġu top-up cards, kemm fil-verità nxtraw top-up cards u kemm tqassmu top-up cards.
Qalet li minkejja l-allegazzjoni li Cutajar kellu l-vizzju tad-droga fil-perjodu fejn kien qiegħed jiġi investigat, dan waħdu mhux biżżejjed biex tinstab ħtija. Is-sentenza kienet għalhekk ikkonfermata.



