Wednesday, August 6, 2025

Ħaddiema aggredita sesswalment f’lukanda…neża għarwien u mar fejn il-bieb biex ma taħrabx

Aqra wkoll

Ħaddiema ta’ Luanda, li xogħlha kien li tnaddaf il-kmamar, nhar il-Ħadd għaddiet minn esperjenza xejn sabiħa meta daħlet tnaddaf kamra, ħarġet iżda wara li l-klijent tal-lukania qalilha ġġiblu flixkun ilma, x’hin marret hi sabitu għarwien. Hu mar fejn il-bieb biex ma taħrabx, qabadha minn idejha u beda jbusha.

Kien proprju nhar il-Ħadd 3 ta’ Awwissu 2025, għall-ħabta ta’ nofsinhar, meta il-Pulizija mill-Għassa ta’ San Ġiljan kienu informati li waħda mill-impjegati tal-lukanda sfat aggredita sesswalment waqt li kienet qegħda fuq il-lant tax- xogħol tagħha.

L-akkużat huwa wieħed mill-klijenti tal-lukanda u l-vittma, kienet qed tnaddaf il-kamra tiegħu. F’ħin minnhom hi ħarġet mill-kamra biex tkompli b’xogħol f’kamra oħra fil-viċinanzi.

Ġara li l-akkużat sejħilha biex iġġiblu flixkun ilma u meta rritornat fil-kamra tiegħu sabitu għarwien. Hu mar fejn il-bieb biex hi ma taħrabx u qabadha minn idejha u beda jbusha. Fortunatament hija rnexxielha taħrab u rrapportat dan l-inċident lill-management tal-lukanda.

Il-Pulizija bdew jinvestigaw b’mod immedjat u meta tkellmu mal-persuna konċernata hu ammetta. Għaldaqstant fuq l-ammissjoni volontarja u inkondizjonata tiegħu, u abbażi tal-fatt li l-Qorti m’għandiex raġuni għalfejn tiddubita mill-ammissjoni tal-akkużat, il-Qorti sabitu ħati tal-akkużi kollha miġjuba fil-konfront tiegħu.

Peress li għandu fedina penali nadifa u din hija l-ewwel darba li huwa xellef difrejħ mal-liġi, flimkien mal-fatt li kien Malta fuq vaganza mal-familja tiegħu u li se jitlaq minn Malta fil-jiem li ġejjin, il-Qorti ma tqisx li piena karċerarja hija idonea f’dawn iċ-ċirkostanzi.

Min-naħa l-oħra, l-Qorti tqis li r-reati mwettqa mill-akkużat huma serji ħafna u għandhom jattiraw piena konsiderevoli, tenut kont ukoll li ebda persuna m’għandha tiġi esposta għall-attivitajiet sesswali mingħajr ir-rieda u l-kunsens tagħha. Il-Qorti ikkundannatu sentejn priġunerija sospiżi għal tlett snin.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport