Il-General Workers’ Union (GWU) bħalissa tinsab f’negozjati mal-Malta Delivery Fleet Operators Association (MDFOA) biex fi ftit ġimgħat jiffirmaw Memorandum of Understanding (MOU) bejniethom.
“Nikkonfermaw li il-GWU hija l-unjin li qed tinnegozja mal-MDFOA biex fi ftit ġimgħat niffirmaw MOU magħhom. Dan kollu se jwassal biex sa l-aħħar tas-sena jkollna l-ftehim kollettivi maqbulin bejnietna”.
Dan iddikjarah is-Segretarju tat-Taqsima GWU Ospitaltà u ikel tal-GWU Kevin Abela ma’ dan il-ġurnal, b’reazzjoni għal messaġġ li wassal il-Ministru għall-Intern, is-Siigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri, fejn qal illi f’laqgħa riċenti ġie infurmat li l-ħaddiema li jqassmu l-ikel fid-djar ser ikunu qed jissieħbu f’Union u se jkunu protett bi ftehim kollettiv.
Il-Ministru Camilleri qal ukoll; “Fl-aħħar xhur konna iebsin ħafna fir-rigward tal-pjattaformi bħal bolt u wolt u dawk li jħaddmu l-food couriers. Konna ċari li ma hemmx lok għall-abbuż u anke irrifjutajna applikazzjonijiet ġodda. Anke jekk kien hemm min kritikani, żammejna sod”
Intant, f’Mejju ta’ din is-sena mal-200 ħaddiem li jqassmu l-ikel (food couriers) impjegati mal-kumpanija Wolt daħlu bħala membri fil-General Workers’ Union biex tassistihom u tiddefendilhom l-interessi tagħhom.
Dan hekk kif dawn il-ħaddiema kienu lmentaw bis-sitwazzjoni tagħhom f’dak li jirrigwardja l-benefiċċji u l-pagi li kienu qed jirċievu u kien għalhekk li ssieħbu fil-GWU biex tħarsilhom id-drittijiet tagħhom.
F’laqgħa li kienet saret għal dawn il-ħaddiema fil-bini tal-GWU bl-intenzjoni li jiġu organizzati aħjar, is-Segretarju tat-Taqsima, spitalità u Ikel Kevin Abela kien qal; “Il-messaġġ ċar lejhom kien li hemm bżonn li norganizzaw rwieħna kif suppost u li l-union qiegħda hemm biex tħarsilhom id-drittijiet tagħhom u dak li huwa dovut lilhom bi dritt, jiħduh kollu”.