Fl-aħħar sigħat fir-Renju Unit beda l-ikbar strajk tal-ħaddiema tal-ferroviji li qatt sar f’dawn l-aħħar 30 sena. Għexieren ta’ eluf ta’ ħaddiema waqfu jaħdmu minħabba diżgwid dwar il-pagi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol. Bosta qed ibassru li dan l-istrajk jista’ jwassal għal azzjonijiet industrijali f’għadd ta’ setturi oħrajn madwar il-pajjiż.
Uħud mill-40,000 ħaddiem li jaħdmu mas-sistema tal-ferroviji ħarġu fuq strajk ilbieraħ u se jerġgħu jagħmlu strajk ieħor il-Ħamis u s-Sibt. Dan l-istrajk wassal biex għadd ta’ stazzjonijiet jingħalqu u għalhekk partijiet sostanzjali mil-London Underground waqfu jaħdmu wkoll. Dan kollu tista’ tgħid li ġġammja lill-pajjiż.
Kawża ta’ dan, stazzjonijiet ċentrali bħal dawk ta’ Waterloo, u Euston fiċ-ċentru ta’ Londra, Piccadilly f’Manchester u Glasgow Central kienu tista’ tgħid vojta fil-ħinijiet li s-soltu jkunu ffullati bin-nies.
Min-naħa tiegħu l-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson, li fil-preżent jinsab taħt pressjoni kbira hekk kif għadd ta’ ċittadini qed iħossu l-effetti ekonomiċi li qed jolqtu lill-pajjiż, qal li din l-azzjoni industrijali se tkompli tweġġa’ lill-kummerċ li fil-preżent għadu qiegħed jirkupra mill-effetti tal-pandemija. Johnson saħaq li bl-azzjoni tagħhom l-unions qed iweġġgħu lill-istess nies li huma qed jgħidu li jridu jipproteġu.
Min-naħa l-oħra, il-unions qalu l-istrajk tal-ħaddiema tal-ferroviji jistgħu jagħtu bidu “sajf ta’ skuntentizza” fejn l-għalliema, il-ħaddiema mediċi u dawk li jaħdmu fil-qasam tal-ġbir tal-iskart jinsabu wkoll viċin li jieħdu azzjoni industrijali. Dan kollu minħabba li l-effett tal-prezzijiet dejjem jogħlew tal-ikel u l-fjuwil qiegħed jinħass sew.
Mick Lynch, li huwa s-Segretarju Ġenerali tal-union Rail, Maritime and Transport Workers (RMT), meta kien qiegħed jitkellem ma’ Sky News qal li, “il-ħaddiem Britanniku jrid żieda fil-paga… irid impjieg sigur u kundizzjonijiet diċenti.”
L-ekonomija Britannika kienet irrispondiet b’saħħa wara l-pandemija tal-Covid-19 iżda fatturi ta’ nuqqas ta’ ħaddiema, problemi fis-sistemi ta’ produzzjoni u tqassim ta’ affarijiet essenzjali u intoppi fil-kummerċ wara Brexit qed iwasslu għal tħassib ta’ riċessjoni.