Sunday, November 24, 2024

ĦADDIEMA UMANITARJI ANKE F’PAJJIŻNA

Aqra wkoll

Il-Jum Dinji Umanitarju dededikat lil dawk il-ħaddiema li jagħtu servizz umanitarju fi żmien ta’ kriżijiet ġie ċċelebrat nhar is-Sibt li għadda. F’Malta wkoll għandna biex inkunu kburin li minkejja ċ-ċokon u l-limitazzjonijiet ta’ pajjiżna, għandna ħaddiema ta’ din ix-xorta li lesti li jissugraw ħajjithom sabiex il-poplu kollu jkun aktar sigur.

Dawn huma l-ħaddiema tal-forzi tal-ordni fosthom il-membri tal-Protezzjoni Ċivili, l-uffiċjali tal-Pulizija, is-suldati u anke l-uffiċjali korrettivi, li lkoll jaħdmu qatigħ sabiex jiżguraw li l-poplu jkun imħares sewwa u b’hekk jingħata serħan il-moħħ mhux biss dwar is-sigurtà tan-nies iżda wkoll li fi kwalunkwe ċirkostanza li tista’ tinqala’, dawn il-ħaddiema huma mħarrġa biżżejjed biex jirrispondu għaliha bl-aħjar mod possibbli. 

Jiġuna f’moħħna t-terremoti qawwija li laqtu lit-Turkija u s-Sirja fi Frar li għadda u li ħallew eluf ta’ persuni mejta. Malta, apparti l-għajnuna umanitarja, kienet bagħtet diversi kontinġenti ta’ uffiċjali mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili fit-Turkija sabiex joffru l-assistenza umanitarja tagħhom u jgħinu fit-tfittxijiet tan-nies qalb it-tifrik ikkawżat mit-terremoti.

Dan l-aħħar, l-uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili kienu impenjati wkoll f’ħidma fil-Greċja minħabba n-nirien fil-foresti kkawżat mis-sħana qawwija li kienet qed taħkem fl-Ewropa. Din l-għajnuna kienet waħda f’waqtha iżda wkoll daqstant ieħor importanti f’dan iż-żmien diffiċli għall-poplu Grieg. 

Dawn il-ħaddiema għalhekk jistħoqqilhom kull tifħir għall-ħidma, l-impenn u d-dedikazzjoni tagħhom anki f’pajjiżi lil hinn minn xtutna, fejn apparti li dan jirrikjedi li jħallu warajhom lil dawk l-aktar għeżież tagħhom biex jgħinu f’din l-għajnuna umanitarja, qegħdin ukoll jaħdmu f’kundizzjonijiet ta’ temp estrem, sew jekk fi sħana kbira u anke f’kesħa tremenda. 

Wara kollox, is-sens ta’ dover jitlob ukoll li dan isir. Kif ġara dan l-aħħar meta uffiċjal tal-pulizija li nzerta kien off duty waqqaf persuna wara li kien tajjar mara bil-mutur u baqa’ sejjer. Dan l-uffiċjal ma ħasibhiex darbtejn u kien segwih bil-mutur personali tiegħu sakemm irnexxielu jwaqqfu.

Nies bħal dawn jistħoqqilhom kull tifħir u apprezzament. Ħaddiema li jmorru lil hinn mill-ħin biss tax-xogħol iżda jkunu ta’ servizz għall-poplu fi kwalunkwe ħin tal-ġurnata.  Inħarsu ‘l quddiem li aktar uffiċjali f’karigi simili jiddakkru minn dan l-eżempju biex ikollna soċjetà aktar sigura.

Sport