Friday, November 22, 2024

Ħaddiema użati u mal-iċken intopp isibu ruħhom fit-triq abbandunati

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Rama ilu fostna  diversi xhur. Inġab f’pajjiżna biex jaħdem.  Oriġinarjament kellu jaħdem fi kċina. Taħriġ qatt ma ngħata u esperjenza f’dan ix-xogħol ma kellux lanqas. Wara ftit ġimgħat ġie mgħarraf li ma kienx se jinżamm f’dak ix-xogħol u dan minħabba nuqqas minuri. Ftit jiem wara minn xogħol fi kċina, sab ruħu jnaddaf. Esperjenza li damet ftit ġimgħat. L-esperjenza li kien imissu imbagħad kienet xogħol ta’ sewqan.  Eżempju ċar ta’ ineffiċjenza maniġerjali!

Kamal, hi ħaddiema Nepaliża. Hi ukoll inġabet għax-xogħol f’pajjiżna iżda wara ftit, ma min kienet taħdem ħass li ma kinitx tajba għal dak ix-xogħol.  Spiċċat intbagħtet ma’ kumpanija oħra. Minn dakinhar ‘lhawn daret diversi postijiet tax-xogħol. Sita li hi ukoll Nepaliża ma kellhiex l-istess xorti. Wara ftit li waslet pajjiżna spiċċat imkeċċija. Xogħol ieħor ma ngħatatx u litteralment spiċċat abbandunata. Għal għadd ta’ ġimgħat kienet bla xogħol. Tgħix b’li jtuha sħabha. Spiċċat ħaddiema irregolari. Baqgħet hawn għax tippreferi tgħix hawn milli f’pajjiżha. Ma’ dawn l-esperjenzi hemm ħafna oħrajn. Stejjer ta’ ħaddiema abbużati u magħhom abbuż ukoll minn min iħaddimhom fuq l-ekonomija għax dak li qed iseħħ qed jaffettwa b’mod negattiv ħafna l-qasam ekonomiku f’pajjiżna.  

Stħarriġ li għamlet IT-TORĊA qed jirriżulta li f’pajjiżna żviluppat prattika perikoluża u riskjuża, u din hi dik li għandna kumpaniji li qegħdin iġibu għadd ta’ ħaddiema barranin biex jaħdmu f’pajjiżna ħafna drabi b’mod arbitrarju mingħajr ma jaraw la il-bżonijiet ta’ min iħaddem u lanqas tal-pajjiż . Is-sistema f’pajjiżna hi li s-single permit joħroġ ma’ impjieg ma’ kumpanija jew post tax-xogħol. Dawn il-ħaddiema qegħdin jinġabu minn kumpaniji li parti mill-operat tagħhom hu li jġibu dawn il-ħaddiema, mhux biex jaħdmu magħhom imma biex imbagħad huma jikruhom lil xi kumpaniji oħra ħafna drabi dawn “il-kuntratturi” jieħdu il-qofol tal-kumpens u lill-ħaddiema ituhom il-minimu possibbli. Spiss qed jiġri li dawn lanqas sena ma jagħmlu f’dak l-impjieg bil-konsegwenza tkun li dak l-istess ħaddiema li jitwaqqaf jintbagħat jaħdem ma’ xi ħaddieħor. Qiegħed ikun hemm okkażjonijiet fejn dawn il-ħaddiema jispiċċaw fit-triq. Din is-sistema perikoluża qiegħda twassal biex dawn il-ħaddiema ma’ l-iċken problema jintremew. Jintużaw sakemm tinqeda l-kumpanija jew dak il-post u wara jgħidulhom m’għandniex bżonnkom aktar.  Kollox jindika li għandna bejn 15,000 u 20,000 persuna minn dawn il-ħaddiema minn pajjiżi terzi li jispiċċaw mill-impjieg qabel l-ewwel sena tagħhom f’pajjiżna. X qed isir minnhom dawn in-nies?     Kemm baqgħu Malta mingħajr permess ta’ residenza? 

Nattakkaw l-abbuż u mhux il-persuni

Fl-aħħar jiem u ġimgħat kienu diversi dawk li ħarġu jippuntaw is-swaba lejn ħaddiema barranin. Min għal ħaġa u min għal oħra. Qiegħed jiġri li ma xi wħud qegħdin jeħlu il-ħaddiema u s-swaba qegħdin jippuntaw lejhom, dan meta hu l-abbuż li qed isir fuq dawn il-ħaddiema li għandu jiġi kritikat u attakkat.

Analista imdaħħal sew fis-settur li tkellem ma’ IT-TORĊA dwar din is-sitwazzjoni  bil-kundizzjoni tal-anonimità, qalilna li “qabel wieħed jitkellem fuq din is-sitwazzjoni li spiċċajna fiha llum, irridu naraw eżattament x’ġara fl-aħħar 11 jew 12-il sena. Jekk nieħdu 12-il sena ilu, jiġifieri fis-sena 2011, naraw li l-ekonomija kienet wieqfa. L-industrija kienet batuta. It-turiżmu kien qisu laħaq l-ammont ta’ miljun u waqafna hemm. Is-servizzi finanzjarji kellhom l-isfidi ukoll. L-ekonomija prattikament kienet miexja bil-mod imma ma kinitx qed tikber speċjalment meta mqabbla ma’ pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea.  Ma’ dan ix-xenarju imbagħad kellek is-sitwazzjoni fejn il-popolazzjoni kienet qiegħda tonqos. Issa jekk trid tkabbar l-ekonomija, trid tħares ‘lbarra. Pajjiżi żgħar bħalna bħal Singapore, Hong Kong għamlu hekk  u anke pajjiżi kbar bħall-Irlanda u l-Ingilterra fost oħrajn”.

L-istess analista jgħidilna li “miżuri li ttieħdu bħal li l-kontijiet tad-dawl u l-ilma u ċ-child care centres flimkien ma’ għadd ta’ inċentivi oħra ħolqu effett pożittiv u l-ekonomija reġgħet bdiet tikber. Aktar ma bdiet tikber l-ekonomija aktar kien hemm il-bżonn ta’ ħaddiema barranin. Saħansitra waqt il-Covid19, permezz tal-miżuri li għamel il-Gvern, l-ekonomija baqgħet għaddejja.  Ġara li bdew ġejjin aktar u aktar ħaddiema minn barra. Fil-bidu  kienu jinġabu biex jagħtu servizz lill-Gvern fosthom fi sptarijiet u fil-qasam tal-waste management.  Wara imbagħad anke oqsma bħal dak tal-lukandi, u manifattura bdew iħossu li n-nuqqas ta’ ħaddiema. Minħabba dan, bdew jiġu ffurmati għadd ta’ aġenżiji li jġibu u jirreklutaw il-ħaddiema. Dawn huma kumpanija li jħaddmu nies magħhom u imbagħad huma jikruhom lil min ikollu bżonn, jista’ jkun għal bażi qasir ta’ żmien jew anke għat-tul. Dawn prattikament anke isibulek il-ħaddiem huma, jekk ikollhom bżonn iżżid il-ħaddiema tiegħek.”

“Li ġara fis-snin ta’ wara kien li meta l-ekonomija bdiet tikber aktar bdew jidħlu kumpaniji oħra fil-qasam tar-reklutaġġ tan-nies. Prattikament dawn bdew iġibu ħaddiema minn pajjiżi diversi, jimpjegawhom magħhom u imbagħad jisilfuhom. Dawn sid ta’ post tax-xogħol jagħmel kuntatt magħhom, jgħidilhom kemm għandu bżonn ħaddiema u huma jissupplixxuk bl-ammont ta’ ħaddiema li għandek bżonn. Kif tlesti minnhom jew ma jkollokx aktar bżonnhom, dawn imbagħad il-kumpanija tibgħathom f’xogħol ieħor li jista’ jkun totalment differenti minn dak li kienu qegħdin jaħdmu fih qabel.” Ovvjament b’kumpens minimu biex ma ngħidux anqas mill-minimu ukoll. 

Min hawn bedą l-abbuż

L-istess analista jisħaq li “minn hawn beda l-abbuż. Issa li qed jiġri f’pajjiżna hu li qegħdin jeħlu l-ħaddiema. Qegħdin jeħlu dawk li qed ituna servizz u servizzi importanti ħafna f’ċerti oqsma. Flok qegħdin nattakkaw l-abbuż qegħdin nattakkaw lil dawn il-persuni  umani, ħaddiema bħalna.  X’ġara issa qisha żviluppat sitwazzjoni antipatika lejn dawn il-ħaddiema.  Irridu ngħidu li f’pajjiżna is-single permit biex tgħix joħroġ biss jekk inti ikollok xogħol f’pajjiżna. Issa li qed jiġri hawn hu li llum għandna sitwazzjoni fejn qegħdin naraw li ammont sostanzjali minn dawn il-ħaddiema lanqas jagħmlu sena sħiħa fix-xogħol li jkunu inġabu għalih. Dan għax jitwaqqfu minn dik il-kumpanija, biex posthom jieħdu xi ħadd ieħor jew minħabba ċirkostanzi oħra. Sa ftit ilu ma konniex nafu kemm hi kbira din il-problema u kemm qegħdin idumu fix-xogħol li jiġu jaħdmu fih. Issa permezz ta’ studju li sar mill-Bank Ċentrali dwar din is-sitwazzjoni, nafu li terz ta’ dawn il-ħaddiema minn pajjiżi terzi lanqas jagħmlu sena fix-xogħol li jkunu ġew jaħdmu fih.  Din tfisser li għandna bejn 15,000  u 20,000 ħaddiema li jkunu inġabu f’pajjiżna u li f’inqas minn sena jkunu spiċċaw minn dak l-impjieg. Din hi problematika. Din mhix xi ħaġa tajba għax toħloq instabbilità ekonomika”. 

Ma jfissirx li meta jispiċċaw bla xogħol jitilqu ‘l barra … ammont qegħdin jibqgħu hawn

L-istess analista qalilna li “issa l-mistoqsija li toħroġ hi kemm hawn ħaddiema minn dawn bħalissa li ġew jaħdmu u jinsabu bla xogħol. Li qed jiġri hu li meta jispiċċaw bla xogħol, dawn mhux qegħdin jitilqu. Ħafna drabi dawn qegħdin jibqgħu hawn.  Jispiċċaw jgħixu ma’ ħaddiema oħra, xi ikel jingħataw, jaf anke xi xogħol minn taħt jagħmlu ukoll u allura jibqgħu hawn.  Dawn ittihom ftit Ewro ta’ ġimgħa xogħol u jkunu kuntenti, għax jaqilgħu ħafna aktar minn pajjiżhom. Ħaddiem minn Nepal f’pajjiżu għandu paga minima li meta tikkonvertiha f’Ewros tkun ta’madwar €115  fix-xahar. Dan, meta jispiċċa bla xogħol u ta’ ġurnata xogħol tħallsu €20 jew xi ftit aktar, ikun kuntent għax qed jaqla aktar minn kemm kien jaqla f’pajjiżu. Allura għandna sitwazzjoni fejn dawn il-ħaddiema qegħdin jaraw li qed jaqilgħu aktar minn pajjiżhom u min iħaddimhom kuntent għax qed iħaddem bix-xejn. Kulħadd jaqbillu minbarra l-ekonomija tal-pajjiż.       L-ekonomija tikber meta isir valur aktar miżjud f’Malta, u il-ħaddiema kemm Maltin u kemm barranin ikun jistgħu idaħħlu (u b’hekk jonfqu) aktar flus.

Il-gvern Laburista ħoloq ix-xogħol, ħafna minnu xogħol ta’ kwalità.   Qatt f’Malta ma kien hawn opportunitajiet ta’ investment daqs kemm ħoloq il-Partit Laburista.   Iżda ir-regħba ta xi uħud qed itellef lill-poplu Malti minn żvilupp ekonomiku aqwa”, jgħidilna l-analista. 

Dan hu abbuż uman u abbuż ekonomiku … is-soluzzjoni mhix bilfors deportazzjoni

L-istess analista qalilna li “dan hu abbuż uman u abbuż ekonomiku.  Din hi sistema li qiegħda ittellef l-effett pożittiv ta’ economia b’saħħitha u li qiegħda tikber.  F’pajjiżna is-sitwazzjoni hi li fejn hemm barranin jagħtu servizz lill-gvern u f’oqsma kwalifikati, dawk m’hemmx problema. Biss fein tidħol is-sitwazzjoni ta’ ħaddiema terzi oħra, irridu noqogħdu attenti għax is-sitwazzjoni qiegħda taħrab.”

Nistaqsuh dwar is-soluzzjoni li jara bħala persuna involut fis-settur u jgħidilna bla tlaqlieq li “s-soluzzjoni mhux li tiddeportahom.  Jista’ ikun li hemm nies ħaddiema li abbużaw mis-sistema u nemmnu li dawn iridu iħallsu għal għemilhom.  Però  jekk jiddeportaw jiġu oħrajn sakemm ma nirranġawx is-sistemi tagħna bħal ma għamlu ħafna pajjiżi oħra.   Għalhekk trid issir distinzjoni bejn il-ħaddiema u l-abbuż. Is-soluzzjoni hi li rridu nagħmlu perjodu li bil-mod il-mod, lill-aġenziji li qegħdin iġibu l-ħaddiema nillimitawlhom il-permessi ġenerali u il-permessi jiġu maħruġin biss għan-nies li għandu bżonn il-pajjiż.    Iġġib jew tnaqqas barranin skont kemm għandha bżonn l-ekonomija.  Kull pajjiż jirregola id-dħul ta’ nies ġodda fuq is-suq tax-xogħol tiegħu skont l-andament u l-bżonn tal-ekonomija.    Meta hemm bżonn inżidu u meta hemm bżonn innaqsu.  Hemm bżonn ukoll li dawn l-aġenziji ikunu regolarizzati b’mod ċar u trasparenti u b’mod responsabbli għall-ħaddiema li jinġiebu Malta.     Sa issa hemm nuqqasijiet kbar fejn tidħol regolamentazzjoni. Meta ġġib ħaddiem minn barra irid ikun hemm perjodu fejn inti tkun responsabbli għalih u mhux għax ma intgħoġobx jispiċċa fit-triq. Jista’ jitlaq mill-pajjiż, jispiċċa jitkarrab, jew jaħdem illegalment. Din qed ikollha effett fuq l-ekonomija u fuq is soċjetà tagħna”.

Enfasizza li “hemm punt ieħor u dan hu dak tat-taħriġ. X’taħriġ qegħdin jingħataw dawn il-ħaddiema? Kien hawn żmien fejn bħalissa pajjiż konna niftaħru bil-ħaddiema li għandna u bl-istabbilità fis-suq tax-xogħol.  Din issa qed tispiċċa. Għax illum ħaddiema, jekk ħarislek bl-ikrah, titfgħu l-barra.  M’aħniex inħarrġu u l-pajjiż qiegħed jitlef anki hawn. Skejjel vokazzjonali kważi ma jeżistux. Ħafna jsibuha tajjeb li ma jħallsux biex iħarrġu imma jikru ħaddiem, għax biex tħarreġ tiġi il-flus. Kif se nispiċċaw għaxar snin oħra?  Se nispiċċaw b’ħafna ħaddiema barranin mhuma imħarrġin f’xejn jiġru minn xogħol għal ieħor bla taħriġ?”.

“Però ejja ma immorrux fl-estrem l-ieħor.   L-ekonomija tagħna għadha b saħħitha, innovativa u kompetitiva.    Dan il-gvern irdoppja in-nies li jaħdmu tal-pajjiż.  Mhux veru li bena ekonomija fuq il-barranin. L-ekonomija inbniet billi żdiedu l-investimenti, il-konsum lokali, żammejna l-esportazzjoni minkejja l-isfidi internazzjonali bħal Brexit, gwerer, Covid19.    Tant l-ekonomija kibret li ‘lbarranin raw opportunità ta’ xogħol f’Malta u mhux  dawk li ġejjin minn pajjiżi terzi  biss. Għandhek Taljani, (eluf)  Skandinavi, Slavi, u ħafna oħrajn.     Minn jgħid bil-kontra ma jkunx qed jgħid il-verità”, tenna l-analista.

L-istess analista qalilna li “hemm bżonn nużaw moħħna.  Fejn hemm bżonn ħaddiema biex jagħtu servizz, dawk iridu jinġabu għax huma importanti.  F’oqsma fejn m’hemmx bżonn jinġiebu aktar ħaddiema għax diġa hawn ħafna, ejjew nillimitaw imma dejjem bil-galbu u b’attenzjoni. Hemm bżonn issir evalwazzjoni dettaljata. Jekk nieħdu l-Awstralja per eżempju dawn jirregolaw l-immigrazjoni skont il-bżonn u il-ħiliet li ikollom bżonn. Irridu naraw li l-ħaddiema li jiġu huma dawk li għandha bżonn l-ekonomija, għax inkella tkun qed issir ħsara lill-istess ekonomija. Irridu naraw ukoll li nirregolaw dawn l-aġenzij u l-ħidma tagħhom. Illum mad-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali (DIER) hemm aktar minn 100 kumpanija reġistrati li jagħmlu reklutaġġ. U xorta xi spekulaturi jibqgħu jgħidu li ma hawx nies!” kompla jgħidilna l-analista.

Jekk hemm bżonn nagħmlu kwoti

Jisħaq li “jekk hemm bżonn nagħmlu kwoti. Nistabbilixxu kemm tiflaħ l-ekonomija u ma jinġabux aktar minn kemm tiflaħ. Irridu nħarsu ukoll lejn is-sidien tal-postijiet tax-xogħol. Dawn qegħdin jonqsu ukoll. Isibu faċli jikru u mbagħad iwaqqfu. Iridu jibdew is-sidien tal-postijiet tax-xogħol jiddikjaraw x’nies għandhom jaħdmu magħhom u x’qed jagħmlu  biex iżommhom. Kemm qiegħed jara li jkunu motivati biex jibqgħu miegħu, kemm qiegħed iħarriġhom biex itejjeb is-servizz. Minn dan, sidien ta’ postijiet tax-xogħol mhuma jagħmlu xejn għax qed isibuha komda jikru l-ħaddiema. Nemmen li dan hu qasam fein hawn bżonn intervent immedjat u dirett biex is-sitwazzjoni titranġa… mhux kontra il-barranin….. imma kontra l-abbuzi…   il-barranin kontribut jagħtu  lill-ekonomija”, temm jgħidilna l-analista.

Sport