Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futsal?
Għall-bidu ma xtaqtx nilgħab il-futsal. Niftakar meta kont nilgħab ma’ Naxxar Lions FC u kienu saqsewni nixtieqx inkun parti mill-iskwadra għall-kampjonat tal-U16s kont irrifjutajt. Iżda inzerta iktar tard fl-istaġun li l-goalkeeper li kien tal-futsal weġġa’ u kelli nieħu postu biex ma jispiċċawx bla goalkeeper. U minn hemm l-imħabba tiegħi għall-futsal bdiet tifforma. Mill-ewwel in-natura veloċi tal-logħba qabel miegħi u l-opportunitá li jkolli iżjed x’nagħmel f’logħba milli jkolli fil-futbol għoġbitni ħafna.
U għaliex għażilt proprju r-rwol ta’ goalkeeper?
Iddeċidejt li nkun goalkeeper minn etá ta’ sitt snin fil-futbol. Niftakar li darba, il-kowċ tagħna kienet saqsiet min jixtieq joqgħod goalkeeper u ovvjament ħadd ma kien ikun irid joqgħod goalkeeper ta’ dik l-etá, inkluż jien. Peró, kelli problema li ħadd ma kien iqassamli, jew iqassam inġenerali, allura ta’ tifel ta’ sitt snin li kont, irraġunajt li jekk noqgħod goalkeeper, il-ballun żgur ħa mmissu għax lejja jridu jixxuttjaw. U minn hemm ħadt grazzja mal-pożizzjoni ta’ goalkeeper u sibt li kont nieħu gost iktar bħala goalkeeper.
X’tikkummenta fuq il-fatt li għadek kemm irbaħt l-unur personali prestiġjuż tal-Aqwa Goalkeeper fiċ-Challenger League?
Ovvjament ħadt gost li ġejt ippremjat tal-wirjiet li kelli tul l-istaġun, iżda nemmen ukolll li importanti li ma nħallix l-unuri jitilgħu għal rasi u nibqa’ umli u ffukat kemm jista’ jkun. Napprezza wkoll ix-xogħol mill-FMA biex jorganizzaw dawn iċ-ċerimonji li vera jagħtu idea sabiħa tal-progress li qed isir fil-futsal Malti.
X’tikkummenta fuq l-andament tal-eks tim tiegħek, Hamrun Futsal matul l- aħħar staġun fiċ-Challenger League?
Kellna staġun tajjeb ħafna, speċjalment bir-rebħ taċ-Challenger League, iżda nemmen li kellna l-potenzjal li nirnexxu iżjed, speċjalment fil-bidu tal-istaġun. Napprezza ħafna wkoll id-dedikazzjoni li kellhom il-kowċis tagħna u l-fiduċja li urew lilna l-plejers żgħażagħ tat-tim. Jien meta iffirmajt kont ħadt il-fehma li se nkun it-tieni goalkeeper tat-tim, imma b’mod jew ieħor spiċċajt ħadt posti u żammejtu sal-aħħar.
Kif tqis il-livell tal-futsal f’pajjiżna fil-preżent?
Naħseb li l-livell tal-futsal f’pajjiżna qiegħed jitjieb kull sena, speċjalment meta tħares lejn il-futur tal-futsal, naħseb li tiela’ ġenerazzjoni tajba ħafna, grazzi għall-proġett li introduċieni għall-futsal tal-MFA immexxi minn Mark Marlow. Il-kampjonat qed inħoss ukoll li kul sena qed isir iktar kompetittiv u l-qabża bejn it- timijiet qed tonqos. Nieħu gost ukoll nara l-korsijiet li qed isiru tal-kowċing tal- futsal, li anke ħadt sehem fihom bħala goalkeeper dis-sena, għax bħala prodott ta’ dawn il-korsijiet, il-livell għandu jkompli jitla’ wkoll.
U dak tar riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?
Hija waħda mix-xewqiet tiegħi li jkollna Padiljun tal-futsal bħalma għandhom ħafna pajjiżi barra minn Malta. Sfortunatament ma tantx hawn fejn tilgħab il-futsal hawn Malta … il-ftit padikjuni li hawn ikunu jew żgħar wisq, inkella l-art ma tkunx tajba għall-futsal u tista’ toħloq injuries għall-plejers ukoll. L-iktar ħaġa li apprezzajt fil-ftit esperjenzi li kelli nilgħab il-futsal barra min pajjiżna man-nazzjonal huma l-faċilitajiet li għandhom u kemm jinżammu f’livell għoli.
Kif tqis il-mentalitá tal-isport f’pajjiżna fil-preżent?
Naħseb li riċenti qed ikun hemm passi pożittivi għall-pajjiż, speċjalment meta nisma’ bir-riżultati pożittivi fil-waterpolo, rugby u bosta sports oħra kif ukoll fil- futsal, iżda wkoll diżappuntat b’din id-direzzjoni li qed jieħdu ċerti sports fil-pajjiż fejn qegħdin ifittxu atleti barranin biex jirrapreżentaw lil pajjiżna. Jien naraha bħala ‘shortcut’ minn dawn l-isports biex iġibu s-suċċess issa flok jippruvaw jieħdu l-ħin u jemmnu fl-atleti lokali u jagħtuna r-riżorsi li għandna bżonn. Ovvjament, hemm min jgħidlek li jagħmlu hekk biex jgħollu l-livell u titgħallem mill-atleti barranin, iżda kif atleti li trabbew Malta, u trenjaw tul ħajjithom bir-riżorsi li għandna Malta, jistgħu jikkompetu ma’ atleti li trabbew f’pajjiżi li għandhom riżorsi ħafna iżjed minna?! Biex inġib eżempju ta’ nuqqas ta’ investiment fejn vera hemm bżonn, jien inqatta’ ħafna ħin l-Universitá ta’ Malta u naf ħafna atleti wkoll li qegħdin jistudjaw l-Universitá, iżda fil-Campus tal-Universitá, wieħed jista’ jinnota n-nuqqas ta’ faċilitajiet tal-isport, bħall-gym għall-istudenti, trakka u grawnd tal-futbol.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek ma’ Luxol Futsal?
Bħalissa ninsab eċċitat ħafna biex nibda dan l-istaġun ma’ Luxol Futsal. Nemmen li avolja dan huwa forsi pass kbir għalija, naf li kapaċi nitla’ dak il-livell u lest nagħti kollox biex ngħin lit-tim iġib ir-riżultati li hu xieraq, waqt li wkoll inlaħħaq max-xoghol tal-iskola hekk kif se nibda l-aħħar sena tal-kors tiegħi fl-Universitá. Ukoll lest għall-esperjenza li nieħu sehem fil-preparazzjonijiet u nissapportja t-tim kif nista’ fil-kompetizzjoni taċ-Champions League tal-Futsal. Nemmen li hemmhekk ħa tkun l-aqwa opportunitá għalija biex nitgħallem u ntella’ l-livell tiegħi.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futsal.
Agħtih ċans lil dan l-isport, kif għidt jien ukoll ma kinitx togħġobni l-idea tal-futsal, iżda wara esperjenza sabiħa fih skoprejt passjoni ġdida, fi sport li verament għandu futur mimli potenzjal, f’ambjent sabiħ u pożittiv!