Friday, July 18, 2025

‘Ħadt id-deċiżjoni li ningħaqad ma’ Birkirkara FC għaliex huwa tim glorjuż u b’passat sabiħ ħafna’ – Ylenia Grech

Aqra wkoll

Minn Cris Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet meta kont insegwi l-futbol ma’ missieri fuq it-televixin. Ommi ħaditni għal-lezzjonijiet ta’ drama, żfin, ġinnastika u ħafna iktar imma jiena minn dejjem futbol ridt. Ta’ seba’ snin mort summer camp mas-subien tal-Luxol u hemmhekk vera kkonfermajt l-imħabba tiegħi lejn il- futbol u sal-ġurnata tal-lum qatt ma ħarist lura!

Kif qed thares lejn l-esperjenza gdida tieghek ma’  Birkirkara FC?

Dis-sena ħadt id-deċiżjoni li ningħaqad ma’ Birkirkara FC għaliex huwa tim glorjuż u b’passat sabiħ ħafna. Nemmen li din l-esperjenza ħa tgħinni nkompli nikber kemm bħala plejer u anke bħala persuna. Bl-għajnuna tal-Kowċ Billy Mock u tal-plejers ta’ esperjanza li jilagħbu ma’ Birkirkara nemmen li kapaċi nagħmel l-pass li jmiss fil-karriera tiegħi u li anke kapaċi ngħin lit-tim biex jirritorna fil-quċċata tal-futbol tan-nisa f’pajjiżna.

Iddeskrivi l-esperjenzi passati tiegehk fil-futbol qabel ingħaqadt ma’ Birkirkara FC, u kemm tghallimt minnhom.

Wara s-Summer Camp mal-Luxol, ingħaqadt ma’ Pembroke Athleta u wara dan ma’ Luxol Raiders fejn grazzi għan-numru ta’ kowċis li kelli tgħallimt ħafna u anke kelli l-opportunitá li nintgħażel mat-tim tan- Nazzjonal tal-etá tiegħi. Wara Raiders, kelli esperjenza ta’ sentejn ma’ Swieqi United fejn grazzi għall- istess Kowċ Billy Mock kelli l-ewwel esperjenzi tiegħi mat-team tal-kbar u tħarriġt ma’ plejers ta’ livell nazzjonali.

Fl-istess sena ntgħażilt biex nirrapreżenta lil Malta fil-kategorija tal-U19, fejn kelli l -opportunitá li nilgħab kontra ġganti Ewropej bħall-Portugall u l-Belġju. Wara sentejn ma’ Swieqi United irritornajt ma’ Raiders Lija li mbagħad saru Valletta FC.

Grazzi għall-Kowċ Dennis Guerra u Jean Lopes f’dawn l-aħħar tliet snin kelli l-opportunitá li nibda nilgħab regolarment mat-tim tal-kbar fejn anke fl-istaġun li għadda kont l-iktar plejer ta’ taħt il-21 sena li lgħabt minuti fil-kampjonat tal-kbar. Nixtieq nuri l-gratitudni tiegħi lit-timijiet kollha li kont magħhom.

Kif tqis il-livell tal-futbol tan-nisa f’pajjiżna fil-preżent?

Nemmen li l-futbol tan-nisa għamel passi kbar fl-aħħar ftit snin imma fadal ħafna affarijiet x’jitranġaw. Xi ħaġa ta’ tħassib hija kif fil-kampjonat tal-kbar, sena wara sena qed jonqsu n-numru ta’ timijiet tan- nisa flok jiżdiedu.

U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?

Nifhem li l-klabbs għandhom il-limitazzjonijiet tagħhom u nemmen li hemm bżonn iktar għajnuna mingħand il-Ministeru tal-iSport.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Ix-xewqa tiegħi hija li nirrapreżenta lil Malta mat-tim nazzjonali tal-kbar. Ħa nkompli nistinka u naħdem ġurnata b’ġurnata u nemmen li Birkirkara FC jistgħu jgħinuni nilħaq l-għanjiet tiegħi. Nixtieq ukoll li nservi ta’ ispirazzjoni għall-plejers żgħar li telgħin. 

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Komplu emmnu f dak li tixtiequ … jekk taħdmu u tistinkaw taslu dejjem!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport