Il-Kummissarju għall-Anzjani Dr Mary Vella tgħid li fiċ-ċirkostanzi li ninsabu fihom, ħareġ l-aspett pożittiv tal-familja
Minn Claudio Coleiro
Minkejja li l-Coronavirus ġab miegħu diversi problemi kemm mil-lat mediku kif ukoll dak ekonomiku, ħareġ ukoll l-aspett pożittiv tal-familja Maltija hekk kif bosta anzjani sabu l-għajnuna li riedu mill-qraba tagħhom fosthom uliedhom.
Dan joħroġ minn kummenti li l-Kummissarju għall-Anzjani Dr Mary Vella tat lil dan il-ġurnal meta tlabnieha r-reazzjoni tagħha dwar is-sitwazzjoni tal-anzjani f’Malta matul dawn ix-xahrejn mindu feġġ l-ewwel każ ta’ Covid-19.
L-anzjani ntalbu jibqgħu d-dar peress li huma meqjusa bħala vulnerabbli biex jevitaw milli jlaqqtu dan il-virus. Minkejja dan, ħafna mill-anzjani sabu għajnuna kbira u sostenn kemm minn dawk l-aktar għeżież għalihom, fosthom it-tfal u l-qraba tagħhom, kif ukoll mill-ġirien tagħhom.
Dr Vella saħqet li hija r-responsabbiltà ta’ kull wieħed u waħda minna biex naħsbu f’xulxin, ngħinu lil xulxin u nżommu kuntatt xieraq bejnietna biex ħadd ma jħossu minsi u waħdu u kull min irid, u hu fil-bżonn, isib l-għajnuna u l-appoġġ li jeħtieġ.
Dr Mary Vella nħatret bħala Kummissarju għall-Anzjani f’Lulju tas-sena li għaddiet, bl-irwol tagħha huwa dak li tippromwovi u tissalvagwardja d-drittijiet u l-interessi tal-anzjani. Qabel ġiet maħtura f’din il-kariga, hija serviet bħala tabiba tal-familja għal 40 sena u għamlet żmien ukoll taħdem bħala tabiba fil-qasam tas-saħħa pubblika.
Hija qaltilna li kemm bħala Kummissarju tal-Anzjani kif ukoll bħala tabiba, tħossha responsabbli u fl-istess ħin imħassba dwar dawn iż-żminijiet straordinarji u bla preċedent fejn il-ħajja ta’ kulħadd kif konna nafuha u ngħixuha inbidlet mil-lejl għan-nhar.
Hija ssostni li ħafna mill-problemi li qegħdin jaffaċċjaw l-anzjani tagħna huma l-istess bħal ta’ kulħadd pero’ fl-istess ħin mhux kulħadd jintlaqat mill-marda bl-istess mod.
Enfasizzat li: “nafu li persuni anzjani u persuni b’mard kroniku huma aktar vulnerabbli, li jekk jaqbadhom il-coronavirus, hemm riskju li jigu affetwati aktar, u hemm possibiltà ikbar li jkollhom bżonn kura intensiva.
“Huwa għalhekk importanti mmens illi nobdu d-direttivi maħruġa mid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika biex noqogħdu ġewwa u ma nitħalltux ma’ nies u familji oħra.”
Il-Kummissarju għall-Anzjani saħqet li huwa minnu li pandemija globali bħal din li għaddejjin minnha ġġib magħha bidliet kbar u f’daqqa, l-iżjed meta wieħed jiġi mġiegħel joqgħod ġewwa għal żmien konsiderevoli.
Qalet li żminijiet bħal dawn li għaddejjin minnhom jaf iġibu magħhom sens ta’ niket, ansjetà, iċaħħduk mill-kuntatt fiżiku mal-iktar għeżież tiegħek jew li żżur lil qrabatek l-isptar u li ma tkomplix bir-rutina tiegħek ta’ kuljum bħal li toħroġ tisma’ quddiesa jew toħroġ mal-ħbieb imqar sal-pjazza.
“Bil-miżuri li ttieħdu, il-Gvern għamel l-aħjar ħaġa biex jipproteġi l-aktar nies vulnerabbli”
Mistoqsija dwar il-miżuri li ttieħdu biex ikunu protetti l-anzjani tagħna, hija qalet li f’inqas minn ġimgħa wara li feġġ l-ewwel każ f’pajjiżna, bħala miżura temporanja biex jonqos it-tixrid tal-virus, il-Gvern waqqaf il-viżti kollha fid-djar residenzjali tal-anzjani.
Dr Vella fissret din id-deċiżjoni bħala waħda “iebsa u diffiċli”, iżda li ttieħdet wara studji bir-reqqa u analiżi dettaljata tas-sitwazzjoni u dejjem bil-ħsieb li l-interess u s-saħħa tal-anzjani jiġu l-ewwel u qabel kollox.
Kien hawn li qalet li b’dawn il-miżuri, il-Gvern għamel l-aħjar ħaġa biex jipproteġi l-aktar nies vulnerabbli. “Grazzi għal din il-miżura f’waqtha, u għall-fatt li kulħadd qiegħed jiġi mħeġġeġ joqgħod ġewwa speċjalment l-anzjani u n-nies vulnerabbli, s’issa ma kellniex mewġa kbira ta’ infezzjonijiet u t-tixrid ta’ dan il-virus huwa kkontrollat.”
“Kulħadd għandu jsib il-mod u l-ħin biex jirrifletti fuq it-tibdiliet li għaddejjin minnhom”
Dr Vella enfasizzat ukoll fuq l-importanza li l-anzjani tagħna, bħal kulħadd, jibqgħu jieħdu ħsieb saħħithom kemm fiżikament kif ukoll mentalment u li fuq kollox jibqgħu attivi.
“Nieħdu ħsieb is-saħħa fiżika tagħna billi wieħed jagħmel dieta bilanċjata, ikel bnin u sustanzjuż, nevitaw l-alkoħol u tipjip u nnaqsu l-konsum taz-zokkor, melħ u xaħmijiet żejda. Huwa importanti wkoll li wieħed ikompli jagħmel xi forma ta eżerċizzju fiżiku regolari, dejjem skont il-potenzjal u s-saħħa ta’ kull persuna.”
Hija qalet li huwa normali li f’dawn iż-żminijiet wieħed jista’ jħossu anzjuż jew imdejjaq bis-sitwazzjoni, u għalhekk kulħadd għandu jsib il-mod u l-ħin biex jirrifletti fuq dawn it-tibdiliet li għaddejjin minnhom u naraw kif nistgħu nadattaw għalihom bl-aħjar mod possibbli. Żiedet tgħid li ħafna anzjani, l-iżjed nanniet li qabel kienu jieħdu ħsieb in-neputijiet, qegħdin jiskopru x’inhu ħin ħieles.
“Huwa importanti li nżommu ruħna impenjati mentalment u fiżikament u għalhekk għandna nsibu mod u ħin biex nagħmlu dawk l-affarijiet li jogħġbuna u jgħinuna negħdew u nirrilassaw.
“Jekk wieħed għandu xi pjanti jew ġnien, jagħmel tajjeb li jdur dawra maghhom għax barra li n-natura ssebbaħ, il-ġardinaġġ jgħin kemm is-saħħa mentali u kemm dik fiżika.
“Barra minn hekk wieħed jista’ jdur dawra mad-dar u jara x’hemm bżonn isir, jew jibda xi delizzju li qatt ma kellu ħin għalih qabel bħal crosswords, boardgames, jigsaw puzzles, ħjata, knitting jew tisjir.
“Il-mużika hija mezz ieħor ta’ kif wieħed jista’ jżomm ruħu okkupat u attiv u fl-istess ħin jiftakar fi żmien l-imgħoddi,” tenniet Dr Vella.
“Għalkemm aħna mħeġġin noqogħdu ġewwa biex niltaqgħu mal-inqas ammont ta’ nies possibli aħna nħeġġu biex kulħadd imma l-aktar l-anzjani jibqgħu jżommu kuntatt bit-telephone jew xi mezz ieħor diġitali kemm mal-familjari kif ukoll ma’ ħbieb jew anzjani oħra.”
“Il-pandemija uriet li quddiem l-inkwiet u periklu għas-saħħa kulħadd l-istess”
Il-Kummissarju għall-Anzjani tenniet li kellha tkun din il-pandemija li uriet lil ċertu nies li, aħna min aħna u aħna x’aħna, quddiem l-inkwiet u periklu għas-saħħa kulħadd l-istess. Qalet li ġegħlitna wkoll nifhmu li kull ħaddiem, hu x’inhu xogħlu, huwa importanti biex inkomplu bil-ħajja tagħna ta’ kuljum.
L-appell tagħha fis-sitwazzjoni li qegħdin fiha huwa biex ma nabbużawx u biex ningħaqdu flimkien ħalli niġġieldu kontra dan il-virus. “Aħna rridu nkomplu nisħqu li n-nies għandhom jibqgħu ġewwa fejn hu possibbbli u l-fatt li tnaqqsu xi restrizzjonijiet ma jfissirx li kulħadd joħroġ barra għax hekk, nistgħu nitilfu dak kollu li ħdimna għalih u li bnejna b’tant sagrifiċċju f’dawn l-aħħar ġimgħat.”
“Nittamaw li fil-ġranet li ġejjin kulħadd jerfa’ r-responsabbiltà tiegħu u jkompli jsegwi u jobdi d-direttivi maħruġa mid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika. B’hekk biss nistgħu negħlbu din il-kriżi.”
“Kuraġġ. Jekk kulħadd jagħti sehmu, dan kollu għad jgħaddi b’wiċċ il-ġid, b’saħħitna u bl-inqas impatt fuqna u fuq pajjiżna,” temmet tgħid il-Kummissarju għall-Anzjani Dr Mary Vella.