Ir-Renju Unit ħabbar li mit-8 ta’ Ġunju se jintroduċi kwarantina ta’ 14-il ġurnata għal dawk li jivvjaġġaw minn barra l-pajjiż.
Dan ġie mħabbar mill-Ministru għall-Intern, Priti Patel, filwaqt li l-linji tal-ajru wissew li din il-miżura se tkisser lill-industrija tagħhom. Il-miżura se tkun tfisser li dawk kollha li jaslu fil-pajjiż, fosthom anke Ingliżi stess, se jkollhom jiżolaw ruħhom għal 14-il ġurnata u jagħtu d-dettalji ta’ fejn se jkunu qegħdin joqogħdu.
Dwar dan Patel qal li issa li għaddiet l-ogħla rata tal-virus, il-pajjiż irid jieħu l-miżuri biex jipproteġi l-pajjiż minn xi każi importati li jistgħu jerġgħu jagħtu n-nar lil din il-marda.
Jidher li l-Awstralja qiegħda titlob biex iċ-ċittadini tagħha jiġu eżentati minn dawn il-miżuri, peress li għandhom rati baxxi ta’ infezzjoni u peress li hu pajjiż b’riskju baxx. Madankollu, jidher li l-uniku pajjiż li s’issa ġie eżentat hu l-Irlanda.