Saturday, November 23, 2024

Hairdressers mgħammra għall-ftuħ skont ir-regolamenti tal-Gvern

Aqra wkoll

Miktub Minn Maria Azzopardi

Fid-diskors tiegħu l-Ħadd li għadda, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela qal, “Se jkollna restaurants, se jkollna hairdressers, se jkollna nail technicians imma b’miżuri li jagħmlu sens għar-realtà li qegħdin fiha llum.”

Fl-isfond ta’ dan, inewsmalta tkellem ma’ uħud mill-hairdressors f’Malta dwar is-sitwazzjoni tal-Covid-19 fuq is-servizz tagħhom u kif kienu qed jippreparaw għall-ftuħ mill-ġdid. Fost il-preparamenti li ħejjew, Jessica Muscat minn Styled by Jess qalet li l-użu tal-hand sanitizer u maskri huwa wieħed obbligatorju kull ħin waqt li jkunu fil-ħanut. Apparti minn hekk il-ħanut se jkun qed jiġi diżinfettat kuljum, l-għodod li se jużaw se jkunu qed jiġu sterilizzati l-ħin kollu u mhux se jkunu aċċettati aktar minn żewġ klijenti ġewwa l-ħanut. Hija żiedet tgħid li kwalunkwe miżura obbligatorja oħra li se tiġi imposta fuqhom se jkunu qed isegwuha b’reqqa kbira.

“Sfortunatament il-pandemija ġiet fil-quċċata tax-xogħol…”

Mistoqsija dwar jekk bdietx tirċievi l-appuntamenti mill-ġdid, Jessica qalet li qed tirċievi ħafna. “Bqajt ikolli talba għall-appuntamenti l-ħin kollu proprja rrelevanti kemm każi kienu qed jinstabu kuljum, bħallikieku hairdressor ma tistax timrad bil-virus ukoll,” qalet Jessica.

Mistoqsija dwar x’effett ħalla l-Covid-19 fuq is-salon tagħha, Jessica qalet li sfortunatament il-pandemija ġiet fil-quċċata tax-xogħol peress li x-xhur bejn Marzu u Mejju kien ikun żmien impenjat ħafna minħabba l-Għid, il-Preċett u t-tiġijiet. “Fis-sajf ix-xogħol inaqqas ħafna. Żgur li l-klijentela mhux se tibqa’ b’saħħitha bħalma kienet minħabba li eluf ta’ attivitajiet ġew imħassra kif ukoll hawn nies li huma mbeżżgħa. Apparti minn hekk min se jiġi ordnat li jidħol waħdu fis-salon, m’għandux fejn iħalli lit-tfal u għalhekk ma jkunx jista’ jiġi,” qalet Jessica.

Uħud jibdew jieħdu l-appuntamenti, oħrajn iktar kawti

Hairdresser oħra li tkellmet magħna spjegat ukoll li għamlet il-preparamenti kollha neċessarji fosthom ingwanti u maskri li jintużaw darba għal dawk il-klijenti li jinsew il-maskra personali tagħhom. 

Mistoqsija dwar kif il-Covid-19 ħalla effett fuqha personali, hija qalet li l-pandemija affetwata ħafna għaliex kellha tieqaf taħdem u tgħix il-ħajja li kienet tgħix qabel. Apparti minn hekk, hija qalet li xorta waħda kellha tkompli tixtri x-xiri ta’ kuljum għall-familja tagħha.

Hija qalet li minn mindu semgħu li xi miżuri se jiġu rilaxxati, fosthom li l-hairdressors jerġgħu jiftħu taħt numru ta’ kundizzjonijiet, il-klijenti bdew jikkuntattjawha pero peress li ċ-ċirkostanzi u l-miżuri kienu għadhom mhux ċari ma ħaditx appuntamenti fissi sakemm kollox ikun imħabbar b’mod uffiċjali.

Intant fuq il-paġna ta’ Tony&Guy nhar it-Tnejn ħabbru li kienu qed jieħdu l-appuntamenti u ħeġġew lin-nies biex ma jħallux għall-aħħar biex ladarba jiftħu ma jkunux iddiżappuntati. Huwa qalu li għalihom is-sigurtà tibqa’ l-prijorità tagħhom u għalhekk il-klijenti kollha se jkunu qed jintalbu numru ta’ mistoqsijiet bħala screening qabel ma jirriżervaw l-appuntament tagħhom. Barra minn hekk huma assiguraw li s-salons tagħhom se jkunu mgħammra bis-sħiħ skont ir-regolamenti tal-gvern.

Miżuri li għandhom jieħdu l-ħwienet tax-xagħar u barbiera:

  • Il-klijenti għandhom jagħmlu appuntament u ma jitħallewx jidħlu l-klijenti fil-ħanut qabel ma jsir ħin tal-appuntament tagħhom
  • il-ħwienet tax-xagħar għandhom jiżguraw li ma titħalliex tidħol fl-istabbiliment aktar minn persuna waħda għal kull 10 metru kwadru eskluż l-istaff
  • is-siġġijiet għandhom jitqiegħdu 2 metri ‘l bogħod minn xulxin b’perspex ta’ 2 metri għoljin bejniethom
  • il-klijenti jridu jilbsu maskra jew visor tul il-ħin kollu waqt li jkunu fil-ħanut sakemm ma jkollhomx ineħħuha minħabba xi trattament partikolari. L-impjegati għandhom ukoll jilbsu l-maskri. 
  • it-tqaxxir tal-leħja huwa pprojbit
  • issir diżinfettazzjoni tat-tagħmir kollu użat bejn klijent u ieħor inkluż is-siġġu u l-perspex
  • ma tinxtegħelx l-arja kundizzjonata

Jekk wieħed jixtieq aktar informazzjoni dwar dan, għandu jżur is-sit: https://deputyprimeminister.gov.mt/en/health-promotion/Documents/COVID19MT_Mitigation%20measures_Hairdressers%20and%20Barbers_18-May-2020.pdf

Sport