Meta nħarsu lura lejn is-snin riċenti u naraw kif żviluppaw il-mezzi tal-midja soċjali, ikun tajjeb li meta resqin lejn tmiem sena oħra, nagħmlu evalwazzjoni tas-sitwazzjoni li qiegħda kontinwament tiżviluppa, bit-tajjeb u l-ħażin, fis-soċjetà tagħna minħabba l-impatt, f’ħafna każi sproporzjonat u pussessiv li l-midja soċjali sar għandha fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.
Il-midja soċjali saret għal ħafna nies vizzju qawwi li qiegħed jaffettwa bil-kbir ir-relazzjonijiet inter-personali tagħhom.
Minkejja dan ħadd ma jgħaddilu mill-garigori ta’ moħħu li nistgħu inreggħu l-arloġġ lura għaż-żminijiet meta ma kienux jeżistu dawn il-mezzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni soċjali.
Huwa kollu minnu li jekk użati tajjeb, dawn il-mezzi elettroniċi joffru ħafna vantaġġi. Huwa l-użu ħażin tagħhom li jagħmel ħsara, f’xi waqtiet b’konsegwenzi gravi. Dan ma jgħoddx biss fuq livell individwali iżda ukoll fuq livell nazzjonali u internazzjonali b’allegazzjonijiet u maniġġi li jċajpru l-imħuħ saħansitra anke b’għan li jinfluwenzaw ċertu deċiżjonijiet kruċjali u sensittivi.
F’dan l-isfond qiegħed iqum moviment internazzjonali f’bosta pajjiżi fosthom biex isiru aktar kontrolli xierqa speċjalment fuq kif il-midja soċjali taffettwa lit-tfal u persuni vulnerabbli. Xi pajjiżi qegħdin jagħmlu liġijiet biex ikun hemm età minima għal persuni biex ikollhom aċċess għal pjattaformi diġitali.
F’pajjiżna saru kampanji edukattivi u tniedew xi servizzi oħra wkoll ta’ appoġġ biex jippruvaw jilqgħu għal gwaj li dawn il-mezzi tal-komunikazzjoni soċjali jistgħu jikkawżaw.
Li dawn l-isforzi kollha huma tajbin ma jista jiċħdu ħadd. Iżda mhumiex biżżejjed. Hemm bżonn azzjonijiet aktar b’saħħithom u f’waqthom.
Forsi għandha nħarsu lejn x’qegħdin jagħmlu pajjiżi demokratiċi oħrajn fil-qasam tal-libertajiet tal-individwu, fejn b’liġijiet studjati sew nistgħu nikkontrollaw l-abbużi u noħolqu sigurtà għaċ-ċittadini filwaqt li nsaħħu s-salvagwardi tal-libertà tal-espressjoni ġenwina. Ġenwina għax din il-liberta, jekk titħalla tiġi abbużata, tista tkun ta ħsara daqskemm tista tagħmel ġid.
Din mhix sfida faċli anke minħabba s-saħħa ekonomika tremenda li kumpaniji multi-nazzjonali għandhom b’riżorsi u kapaċitajiet li jikkontrollaw mhux biss l-imħuħ iżda anke s-swieq.
Din ukoll hija waħda mill-isfidi kbar li għandu ma wiċċu l-kummissarju Ewropew Malti Glenn Micallef fid-dekasteri li ġie fdat bihom fil-Kummissjoni Ewropea.
Ftit jiem ilu wkoll is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg tat ħjiel li din il-kwistjoni tinsab ukoll fl-aġenda tagħha.
Aħna nawguraw li l-2025 tkun sena oħra ta’ ħidma fejjieda għal poplu Malti u fiha naraw wkoll proposti legislattivi tajbin anke fil-qasam tal-midja soċjali.