Sunday, December 22, 2024

Ħal Kirkop b’edizzjoni oħra ta’ Irkotta Fest

Aqra wkoll

Attività kulturali li ġġedded il-memorji tal-passat ta’ raħal żgħir fin-nofsinhar ta’ Malta, Ħal Kirkop. Ħal Kirkop huwa raħal magħruf sew għal produzzjoni tal-IRKOTTA. Għal tmien snin il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Kirkop organizza b’suċċess din l-attività li rnexxielha terġa’ tagħti l-ħajja x-xogħol u l-artiġjanat li kienu jagħmlu missirijietna biex jaqilgħu l-għajxien tagħhom.

Il-Kunsill jemmen li bis-saħħa ta’ dawn l-attivitajiet kulturali, jista’ jfakkar il-passat ta’ din il-lokalita’ ċkejkna u kwieta lil min jiġi jżurha. Għalkemm Ħal Kirkop huwa żgħir fid-daqs, għandu ħafna x’joffri. Dan jixhdu l-motto tiegħu ‘Parva non Iners’ li jfisser ‘Żgħir imma mhux battal’.

Għal dan il-għan il-Kunsill Lokali, għad-disa’ darba, ħaseb biex jaħdem aktar u jkabbar fuq dak li sar sal-lum. Bl-għajnuna tal-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, flimkien mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, l-Kunsill Lokali ta’ Ħal Kirkop jieħu ħsieb jorganizza din l-attività. Attività li tittella’ wkoll bil-parteċipazzjoni tal-għaqdiet tal-lokal, li huma kollha għaqdiet volontarji u jieħdu ħsieb li juru x-xogħol li jagħmlu b’risq il-lokalità ta’ Ħal Kirkop.

Esebizzjoni ta’ kif issir l-Irkotta bil-mod tradizzjonali

Din is-sena il-Kunsill Lokali ħadem bi sħiħ biex matul il-ġurnata wieħed ikun jista’ jara esebizzjoni ta’ kif kienet issir l-irkotta fil-passat. Persuna, li sal-lum għadha tagħmel l-irkotta, ser tkun qed turi l-mod tradizzjonali ta’ kif issir. Dawk preżenti ser ikunu jistgħu jduqu l-irkotta magħmula dak il-ħin.

Xogħol ta’ Artiġjanat, Snajja Antiki u Storja

Jikkumplimentaw tajjeb ma’ din l-attività ser ikunu diversi persuni juru xogħol ta’ artiġjanat Malti bħal bizzilla, priżervar ta’ ikel bil-mod tradizzjonali, xogħol tal-idejn u diversi wirjiet oħra.

Esebizzjoni ta’ kif isiru l-Pastizzi, Ravjul u Ġbejniet

Din is-sena, apparti li ser ikun hemm dimostrazzjoni ta’ kif issir l-irkotta, il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Kirkop ħaseb ukoll biex isiru diversi dimostrazzjonijiet ta’ ikel magħmul bl-irkotta. Fost dawn ser ikun hemm dimostrazzjonijiet ta’ kif isiru l-pastizzi, kif isir ir-ravjul u kif jiġu magħmula l-ġbejniet bil-mod tradizzjonali tagħhom.

Spettaklu u Divertiment

Il-Kunsill Lokali Ħal Kirkop ser ikompli jimla’ din il-festa tal-irkotta b’varjeta ta’ spettaklu u divertiment, fosthom mużika tradizzjonali u talent lokali. Ma jonqsux sketches għall-okkażjoni mill-Kirkop Pageant Group flimkien mal-Għaqda Kulturali Kirkop li jinkludu logħob tradizzjonali Malti bħal Passju, Dawra Durella etċ., kif ukoll xi xeni mill-imgħoddi fil-Pjazez ta’ Ħal Kirkop. Inħeġġukom issegwu dawn l-isketches sabiex tgħixu mill-ġdid il-passat u l-kultura ta’ dan ir-raħal storiku. L-għannej Jason Seguna in-Nekus u l-ħbieb, Ta’ Verna Folk Band, Xarulu’ u r-rebbieħa tal-ewwel edizzjoni ta’ Malta’s Got Talent, Jomike u Lydon ser ikunu fost il-parteċipanti.

Din l-attività kulturali ser tiġi organizzata nhar il-Ħadd, 9 ta’ Ottubru, 2022 bejn id-9.00am u l -5:00pm fi Triq San Beneditttu, Misraħ Ħal Kirkop, Misraħ San Leonardu u Misraħ iż-Żerniq. L-għan ta’ din l-attività huwa li titqajjem kuxjenza fuq it-tradizzjoni tal-produzzjoni tal-Irkotta bil-mod tradizzjonali f’kuntrast mal-mod kif issir illum. Żgur li hija attivita’ li wieħed ma jistax jitlifha!

Ekonomija

Sport