Haley Bugeja ġiet ippreżentata b’mod uffiċjali minn Inter.
Bugeja ngħaqdet ma’ Inter, immexxija mill-ex coach ta’ Juventus Rita Guarino, b’kuntratt ta’ tliet snin wara sena fl-Istati Uniti f’Orlando Pride.
Fl-Istati Uniti, Bugeja lagġbet biss 139 minuta f’ħames logħbiet bejn it-tieni parti tal-istaġun 2022 u l-ewwel parti tal-istaġun tal-2023.
L-aħħar dehra tagħha mal-klabb kienet fil-11 ta’ Mejju meta l-ex player ta’ Mgarr United lagħbet mill-bidu fit-telfa ta’ 4-2 kontra Washington Spirit fl-NWSL Challenge Cup.
Bugeja saret l-iżgħar plejer li qatt lagħbet bil-flokk ta’ Orlando Pride meta ddebuttat fl-NWSL, f’Settembru li għadda. Hija ġiet utilizzata bħala sostituta f’logħba kontra North Caroline Courage.
Fil-proċess, hija saret ukoll ir-raba’ l-iżgħar plejer li tidher fl-NWSL.
Inter sar it-tieni klabb Taljan ta’ Bugeja wara li lagħbet ma’ Sassuolo bejn l-2020 u l-2022.
B’kollox, hija skorja 15-il gowl f’36 logħba fil-kompetizzjonijiet kollha għal Sassuolo inkluż wieħed fl-aħħar logħba tal-istaġun 2021/2022 f’rebħa ta’ 2-1 kontra l-klabb il-ġdid tagħha Inter.
Hija mistennija tingħaqad fil-pre-season ta’ Inter fl-aħħar stadji ta’ Lulju.
L-istaġun li għadda, Inter tilfu post taċ-Champions League tan-Nisa wara li spiċċaw fil-ħames post fil-kampjonat Taljan.