Raġel ta’ 44 sena residenti l-Imtarfa tpoġġa taħt ordni ta’ probation għal tliet snin wara li fil-Qorti ammetta li ta fastidju lill-eks tfajla tiegħu. Dan billi ħalla ittra mwaħħla mal-karozza tagħha u anke poġġja l-fjuri quddiem id-dar fejn tgħix.
Fil-Qorti ntqal li huma damu f’relazzjoni għal madwar sitt xhur u ntemmet madwar tliet xhur ilu.
Kienet il-mara li qalet lill-imputat li ma riditx tkompli bir-relazzjoni, iżda hu baqa’ jipprova jagħmel kuntatt magħha permezz tal-midja soċjali. Meta hi ddeċidiet li tibblukjaħ minn fuq il-midja soċjali, hu mar ħalla ittra mal-karozza tagħha wara li pparkjata ftit ‘il bogħod mid-dar fejn tgħix.
Il-Prosekuzzjoni qalet li f’okażżjoni oħra hu kien ħalla ritratti fosthom anke mal-istess karozza u anke poġġa xi fjuri quddiem id-dar. Dawn l-azzjonijiet wasslu lill-mara tħoss li kienet qed tiġi molestata u kkontattjat lit-Taqsima tad-Vjolenza Domestika tal-Pulizija.
Meta ġie mitkellem mill-pulizija, l-imputat qal li kien wettaq dan kollu bit-tama li l-eks sieħba tkellmu lura.
Ir-raġel wieġeb ħati tal-akkużi, filwaqt li d-difiża talbet lill-Qorti biex l-imputat jingħata l-għajnuna biex jifhem li r-relazzjoni mal-eks tfajla spiċċat.
l-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Nadine Sant Lia, qieset li l-valutazzjoni tar-riskju għar-raġel kienet baxxa ħafna u, fid-dawl taċ-ċirkostanzi tal-każ, ħarġet ordni ta’ probation għal tliet snin.
Il-Qorti wkoll ħarġet ordni ta’ trażżin favur il-vittma għal tliet snin biex b’hekk l-akkużat ma jkunx jista’ jagħmel kuntatt magħha.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Sherona Buhagiar, filwaqt li l-akkużat kien assistit mill-avukat tal-għajnuna legali Noray Galea.