Monday, October 6, 2025

“Ħallasna ferm aktar mill-istandards attwali tal-valur ġust”

Aqra wkoll

Il-Grupp Fortina ppreżenta lill-Kumitat Parlamentari dwar il-Verifika analiżi esperta li turi li l-ammont ta’ €8.1 miljun li l-kumpanija ħallset lill-Gvern biex jinbidlu l-kundizzjonijiet fuq is-sit tagħha f’Tignè kien ogħla minn kwalunkwe stima raġonevoli tal-valur ġust u kumpens. 

Fi stqarrija maħruġa llum intqal li l-analiżi, imħejjija minn konsulenti esperti, tikkontesta l-metodoloġiji użati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) u turi li l-Grupp Fortina impenja ruħu għal ħlas li huwa b’mod ċar eċċessiv meta mqabbel ma’ prinċipji ta’ valutazzjoni stabbiliti, standards industrijali u assunzjonijet realistiċi. 

Kelliem għal Fortina qal li: “aħna proprjetarji privati ta’ din il-proprjetà sa mill-1960 u ħallasna aktar mill-valur ġust għall-waiver dwar il-kundizzjonijiet.”

“L-analiżi komprensiva tagħna dwar ir-rapport tal-NAO, bl-għajnuna ta’ esperti tekniċi, sabet diversi diskrepanzi fit-tliet valutazzjonijiet,” żied jgħid il-kelliem. “Jidher ċar li saħansitra qabel ma jiġu kkunsidrati l-valuri żejda u mhux realistiċi fis-suq assunti mill-NAO, il-valur massimu ġust ikun fl-aħjar każ bejn €3.5 miljun u €7.4 miljun.” 

L-istess kelliem tenna jgħid li bir-regoli ta’ valutazzjoni tal-lum, kienu jħallsu €3.4 miljun inqas. “Jekk €4.7 miljun jikkostitwixxu valur ġust skont l-istandards trasparenti tal-lum, għaliex €8.1 miljun fl-2019 mhumiex meqjusa eċċessivi? Ħallasna ferm aktar mill-istandards attwali tal-valur ġust,” qal il-kelliem. 

Il-ftehim li kien analizzat mill-NAO ma jikkonċernax trasferiment ta’ art iżda bdil ta’ żewġ kundizzjonijiet fil-kuntratti li permezz tagħhom Fortina kienet preċedentament xtrat art pubblika mill-Gvern ġewwa Tas-Sliema. Din l-art inbiegħet lil Fortina sabiex tintuża għal skopijiet turistiċi fl-1991, fl-1996 u fl-2000. Il-bidliet fil-kundizzjonijiet approvati fl-2019 wittew it-triq sabiex fis-snin li għaddew f’dan il-post sar investiment ta’ kwalità li sitt snin ilu kien ġie stmat għal €55 miljun.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport