Wednesday, September 3, 2025

Ħallast €13,000 fi proċess għal VISA għal Malta

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

‘Rajt l-avviżi li kienu qed jirreklamaw lil Malta biex tistudja.  Laqtuni. Wieħed minnhom kien jgħid: “inti persuna li dejjem ħlomt li ssir tabib? Malta toffri edukazzjoni eċċezzjonali għal dan. Universitajiet ta’ klassi mondjali. Miżati affordabbli. Rikonoxximent internazzjonali”.  

Dejjem ridt insir tabiba u ma waqaftx naħseb fuq dan l-avviż.  Kien hemm testimonjanzi ta’ studenti li rnexxielhom iġibu VISA għal Malta. Tħajjart. Kelli vjaġġ ta’ għaxar sigħat biex nasal għand din il-kumpanija ta’ konsulenza, li kienet qiegħda tagħmel dawn il-filmati. Ma stajtx nagħmel dak il-vjaġġ. Ħadt id-deċiżjoni li nċemplilhom u nagħmel kollox onlajn. Minn hemm l-quddiem bdew sensiela ta’ ħlasijiet ma jaqtgħu xejn marbutin kollha mal-proċess li ningħata l-VISA għal Malta. Kelli nmur f’Dubai biex minn hemmhekk niġbor il-VISA mill-Ambaxxata Maltija. Kien proċess trawmatiku. Ħlas wara ħlas. U mhux ħlasijiet baxxi. Spiċċajt ħallast €13,000 lill-kumpanija ta’ konsulenza sakemm finalment kelli l-VISA. Kelli nmur lejn Dubaj. 

Spejjeż fuq spejjeż. Għamlu tajjeb għalija tal-familja. F’Dubaj ġejt infurmata li l-VISA ġiet miċħuda. Mort  lura l-Pakistan u kelli nagħmel il-proċess mill-ġdid. Il-VISA nġabet mat-tieni tentattiv. Spiċċajt ħallast flus doppji.” 

Dan iddikjaratu Sana, isem mibdul biex nipproteġu l-identità tagħha. studenta Pakistana li qiegħda tistudja f’pajjiżna. Titkellem ma’ IT-TORĊA, dwar il-ħlasijiet li ħallset lill-kumpanija ta’ konsulenza, li tirreklama lil Malta għall-istudju fost studenti Pakistani.

Suppost konsultazzjoni bla ħlas… jitolbu €500 mal-ewwel appuntament

Sana tgħidilna li l-avviżi li rajt kienu ta’ kumpanija ta’ konsulenza ibbażata f’Faisalabad. Hemm għadd ta’ kumpaniji f’Faisalabad li xogħlhom fost affarijiet oħra hu li jassistu biex jgħinu fil-proċess ta’ VISA għal xi pajjiż partikolari. Jien ngħix f’naħa oħra tal-Pakistan u kelli  vjaġġ ta’ madwar għaxar sigħat. Għamilt kuntatt magħhom bit-telefon. Tkellimna. Jgħiduli li jkun jaqbel ma nitlifx żmien u ma ntawwalx.  Iddeċidejt li niftaħ l-applikazzjoni onlajn. Minn hawn ‘lquddiem bdew sensiela ta’ ħlasijiet.  

Ħallast €500 għal dawk li kienu ‘tariffi ta’ konsulenza’. Wara imbagħad ħallast €500  għal dik li kienet ‘admission letter’. Wara ħallast €300 għal ittra b’rabta mal-akkomodazzjoni. Ftit wara, ħallast €3,000  għal dawk li ssejħu “miżati oħra ta’ konsulenza. Dawn waħidhom kienu spiża ta’ €4,300 u f’idi kien għad ma kelli xejn”. 

Mort lejn Dubaj…..nistenna l-VISA… imma l-proċess dam… l-ispiża baqgħet tiela’

“Ġejt infurmata li aħjar inmur lejn Dubaj biex minn hemm imbagħad naqbad it-titjira lejn Malta, la l-proċess tal-VISA jintemm u tinħareġ. Biex mort lejn Dubaj kelli nagħmel applikazzjoni oħra għal VISA lejn l-Emirati Għarab Magħquda u din kienet tiswa €300. Ovvjament ma’ dan kelli naqta’ l-biljett tal-ajru €500 oħra u l-ħallast akkomodazzjoni għal ħames xhur li kienet tiswa €700 fix-xahar. B’kollox l-akkomodazzjoni biex nistenna l-VISA swietni €3,500”.

Il-proċess ikkomplika ruħu… il-VISA damet u d-deċiżjoni kienet fin-negattiv

“Kien żmien ta’ stennija. Trid tgħix ukoll f’dan iż-żmien u biex kont ngħix u niekol hemm, kienet ukoll spiża. Waqt li kont qiegħda hemm, il-proċess tal-VISA dam u kelli napplika mill-ġdid biex nestendi l-VISA għall-Emirati Għarab Magħquda. Dan kien ifisser ħlas ta’ €300 oħra.  F’Dubaj jekk neskludi l-ispiża biex ngħix il-ħajja ta’ kuljum, ħallast €4,600 bejn estensjoni ta’ VISA, it-titjira u l-akkomnodazzjoni. Wara ftit li kienet estiża ġejt infurmata li l-applikazzjoni għal VISA għal Malta kienet ġiet irrifjutata.”

“Kien żmien diffiċli. L-għażliet quddiemi kienu ristretti għall-aħħar.  L-unika għażla li kelli kien li nmur lura lejn il-Pakistan  u nibdel l-università. Mort lura.  Hemmhekk skoprejt li dan kien se jkun ifisser li dawk it-tariffi li ħallast fil-bidu, kien se jerġa’ jkolli nħallashom mill-ġdid.  Dan ifisser €500 għal miżata ta’ konsulenza, €500 għal ‘admission letter’, €300 ‘accommodation letter’ u  €3,000 f’tariffi oħra ta’ konsulenza.  Iż-żmien ta’ wara kien wieħed ta’ qtigħ il-qalb. Finalment, il-proċess tal-VISA kellu eżitu pożittiv għax inħarġet u ġejt f’Malta fejn bdejt il-kors.”

Minn €250 fix-xahar sibt li għall-akkomodazzjoni kien se jkolli nħallas €550

Tgħidilna li “meta ġejt f’Malta, sibt xi ħaġa oħra ma’ wiċċi. Ġejt infurmata li l-prezz ta’ l-akkomodazzjoni ma kienx dak li kien intqal lili meta kont applikajt. Il-prezz ma kienx ta’ €250 fix-xahar, iżda kien ta’ €550 fix-xahar. “ 

Id-domanda li toħroġ b’mod ċar wara din l-istorja ta’ ħlasijiet esaġerati hi min għamel tajjeb għal dawn il-ħlasijiet li huma qawwijin għal dawn l-istudenti. “Għalija għamlet tajjeb il-familja. Naf li għamlu sagrifiċċji mhux żgħar biex jien nilħaq il-ħolma tiegħi. Sagrifiċċji kbar, anzi kbar ħafna. Miegħi hemm studenti li spiċċaw iddejnu xejn inqas minn €25,000. Dan għax apparti dawn il-ħlasijiet li semmejtlek hemm ħlas ta’ madwar €6,000 fis-sena għall-università”, tgħidilna Sana. 

Tkellimt biex nuri is-sagrifiċċji u t-tbatija li ngħaddu minnha

Sana, tgħidilna li “tkellimt għax spiss insibu min jipponta subgħajh lejna. Hawn min jaħseb li ġejna xi divertità jew li kollox kien faċli. Xejn minn dawn. Biex niġu hawn nistudjaw hemm ħafna jgħaddu minn sitwazzjonijiet xejn sbieħ. Anki biex jiġu jaħdmu. Il-ħlasijiet li hemm involuti fi proċessi ta’ VISA huma qawwijin. Hemm domanda u għalhekk il-prezzijiet dejjem telgħin b’mod qawwi ‘lfuq. Jafu li hemm din ix-xewqa li wieħed jaħdem u jistudjaw fl-Ewropa u għalhekk il-prezzijiet jitilgħu. Ridt nuri li meta niġu hawn mhux aħna biss nagħmlu sagrifiċċju imma anke dawk ta’ madwarna”. 

Jitkellem eks diplomatiku…sinjali ħomor huma l-’għaġġla’… ’garanziji ta’ VISA’…’tariffi għaljin bla informazzjoni’

IT-TORĊA tkellmet ma’ eks diplomatiku dwar il-proċess tal-VISA u l-ħlasijiet qawwijin li qegħdin jintalbu kemm biex wieħed jistudja u anke biex wieħed jiġi jaħdem f’pajjiżna. Jgħidilna li “jekk nieħdu dawk li jiġu jistudjaw hawn, wieħed irid iżomm f’moħħu li studenti minn pajjiżi bħal Pakistan, l-Indja u oħrajn ikollhom għatx kbir biex jistudjaw f’universitajiet li l-korsijiet tagħhom ikunu rikonoxxuti fl-Ewropa.  Għalhekk hemm din id-domanda biex jiġu hawn. Minħabba l-għatx li jkollhom li jistudjaw fl-Ewropa, faċli jinqabdu fiċ-ċirku. Quddiem dan il-ħolm u xewqat ta’ dawn l-istudenti, se jkun hemm min japprofitta ruħu u hu għalhekk li qegħdin naraw żidiet fit-tariffi fil-proċess marbut mal-VISA. Il-ħlasijiet dejjem telgħin. 

Dan meta nafu li l-ħlasijiet li qegħdin jintalbu huma esaġerati. Għandna sitwazzjoni fejn għandek aġenti jew kumpaniji li qegħdin jieħdu vantaġġ minn dawn il-persuni li jkunu għatxana biex jistudjaw barra l-pajjiż. Jintużaw tattiċi, jien ngħidilhom diżonesti, biex l-istudent jikkommetti ruħu u jibda l-proċess. Il-proċess ta’ VISA mhux dejjem hu faċli u għalhekk ħafna jagħżlu li jirrikorru għand kumpaniji ta’ konsulenza. Kif jikkommettu ruħhom,  minn hemm imbagħad l-istudent jispiċċa f’ċirku fejn jispiċċa jħallas pagament wara pagament, daqqa għal ħaġa u daqqa għal oħra.  Sinjali ħomor fil-proċess li jkun qed jitħaddem minn ċerti aġenti u kumpaniji ta’ konsulenza juruk li jkunu qegħdin jieħdu vantaġġ mis-sitwazzjoni. Il-problema imma tkun li l-istudenti tant ikunu mitlufin wara x-xewqa ta’ studju barra, li dawn ma jarawhomx. Fost dawn hemm il-garanziji li se jġibulhom VISA. Min hu midħla tal-qasam diplomatiku jaf li  l-ebda aġent u l-ebda kumpaniji ta’ konsulenza ma tista’ tiggarantilek dan, għax din hi materja tal-pajjiż fejn tkun se tmur.  Anki l-garanzija li se tidħol żgur fl-università, hi xi ħaġa li ma tistax tkun garantita. Ma’ dawn imbagħad għandek l-għaġġla biex l-istudent jibda l-proċess. 

Flimkien ma’ talbiet għal ħlasijiet, liema talbiet ma jkunux f’ammonti żgħar imma mijiet ta’ Ewros.” Jisħaq li “d-domanda hi kbira għal dawn il-korsijiet barra il-pajjiż u hemm ċirku sħiħ.  Il-proċess ta’ VISA hu dak li hu u ħafna jippreferu jħallu f’idejn kumpanija ta’ konsulenza, fejn dawn minn naħa tagħhom jirkbu fuq u jirreklamaw li se jaraw li l-proċess se jkun bla problemi, bla xkliel u b’garanzija li tkun suċċess. Hi ħasra li dawn l-istudenti ħafna minnhom minn familji bi dħul baxx jew dħul medju, jispiċċaw viltmi ta’ dawn l-aġenti u jispiċċaw iħallsu eluf kbar ta’ flus”. 

Nikkuntattjaw waħda minn dawn il-kumpaniji ta’ konsulenza…..’ebda risposta’

IT-TORĊA għamlet kuntatt mal-kumpanija tal-konsulenza li użat din  l-istudenta, u li wassal biex sakemm intemm il-proċess ħallset eluf ta’ Ewros.  Sakemm morna għall-istampa konna għadna bla risposta mingħandhom. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport