Sunday, November 24, 2024

“Ħallast sitt darbiet lit-traffikanti biex tlaqt mil-Libja”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fost iż-żewġ kelliema li tkellmu f’isem il-komunità fil-Laboratorju tal-Paċi tkellem Daniel Jude Oukeguale li wasal f’pajjiżna minn Niġerja. Jispjega li hu ħalla pajjiżu ħames snin ilu u wasal fid-deżert wara 13-il ġurnata jivjaġġa. Waqt dan il-vjaġġ huwa ltaqa’ ma’ annimali u katavri, vetturi maħruqin u tankijiet tal-ilma vojti. Wara tmint ijiem fid-deżert, waslu fil-Libja. Dawk li kien għad baqagħlhom id-dejn mat-traffikanti, spiċċaw maqfulin u ttorturati sakemm iħallsu djunhom. Kompla biex jgħid li fortunatament ma kienx fosthom, iżda l-vjaġġ kien wieħed immaġinabbli. Kienu jħallsu għal aktar minn darba għall-wegħda li jitpoġġew f’dgħajsa lejn l-Ewropa u jispiċċaw misruqin minħabba ngann ta’ din il-wegħda. Tkellem dwar il-kundizzjonijiet iġeniċi li ma kienu dinjitużi xejn, iżda li rnexxielu jsib xogħol biex iħallas għal vjaġġ ieħor u minn hawn u minn hemm spiċċa fuq dgħajsa li kien fiha madwar 20 metru kwadru u li fuqha kienu telgħu aktar minn 100 persuna. Wara 17-il siegħa fuq il-baħar kienu salvati minn bastiment Taljan, iżda l-eċitament ftit dam għax ftit wara skoprew li kienu qegħdin ibaħħru lura lejn il-Libja.

Beda jaħdem mill-ġdid u wara disa’ xhur reġa’ ħallas għal vjaġġ ieħor. Jirrakkonta li wara l-ewwel lejl iltaqgħu ma’ mewġ qawwi u erbgħa minn dawk li kienu fuq id-dgħajsa waqgħu l-baħar. Salvaw biss tnejn minnhom u l-oħrajn spiċċaw imwerwrin.

Daniel Jude Oukeguale u Siriman Coulibaly

“Dak il-ħin kważi tlift it-tama. Rqadt u ttamajt li mmut”, ikompli Daniel. Minkejja dan, kif fetaħ għajnejh lemaħ il-kalma u tbissima fuq fomm xi wħud li offriet tama ġdida. Sajjied Tuneżin offrielhom xi ikel, ħalib, ilma u anke sejjaħ għall-assistenza. Jirrakkonta kif ittieħdu lejn Zarzis u li hemmhekk ingħataw rifuġju mill-NGO’s. Minn hemm jitkellem dwar kif nibtet fih l-imħabba għall-arti, u saħansitra beda jaħdem ma’ artist Tuneżin. 

Tkellem dwar ir-ritorn tiegħu fil-Libja ma’ tnejn oħra. Beda jaħdem mill-ġdid biex jaqla biżżejjed bie ikun jkun jista’ jerġa’ jitlaq mil-Libja. Għas-sitt darba ħallas lit-traffikanti biex beda’ vjaġġ ta’ tlett ijiem li wasslu f’pajjiżna.

“Meta ġejna salvati bkejt bil-ferħ u ħsibt li l-ħolma tiegħi kienet saret realtà. Iżda dawn it-tamiet ma damux hekk kif spiċċajna għal sitt xhur f’ċentru ta’ detenzjoni. Kont qbadt nitlef moħħi. Kont nistaqsi għalfejn konna qegħdin niġu trattati bħala kriminali u mhux bħala aħwa”, kompla jgħid l-immigrant.

Daniel temm jgħid li wara dak il-perjodu beda jirkupra fiċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far u minkejja li fakkar lil dawk kollha li għadhom għaddejjin minn episodji simili fil-vjaġġ tagħhom lejn tama ġdida, rringrazzja lill-Papa għal din iż-żjara.

Sport