Wednesday, December 10, 2025

Ħallelin jisirqu xogħlijiet tal-arti minn librerija fil-Brażil

Aqra wkoll

Żewġt irġiel armati nhar il-Ħadd serqu tmien inċiżjonijiet tal-artist famuż Franċiż Henri Benoit Matisse, u mill-inqas ħamsa oħra tal-pittur Brażiljan Cândido Portinari, minn librerija fil-belt ta’ São Paulo. Biex serqu, il-ħallelin issekwestraw gwardjan tas-sigurtà u koppja anzjana li kienu qed iżuru l-librerija, qabel ma ħarbu bil-mixi bix-xogħlijiet tal-arti.

Nhar it-Tnejn, l-awtoritajiet tal-pulizija ħabbru li sabu l-vettura tal-ħarba, u diversi sigħat wara ġie arrestat wieħed mis-suspettati fis-serqa.

Is-serqa seħħet inqas minn xahrejn wara li d-dinja tal-arti nħasdet minn serqa spettakolari mill-mużew famuż tal-Louvre f’Pariġi, fejn il-ħallelin ħarbu b’ġojjelli imprezzabbli.

L-inċiżjonijiet li nsterqu mill-Biblioteca Mário de Andrade kienu parti minn wirja konġunta mal-Mużew tal-Arti Moderna ta’ São Paulo. Il-ħallelin immiraw għall-wirja, intitolata Minn Ktieb għal Mużew, fl-aħħar jum tagħha.

Jingħad li huma daħlu fil-librerija mid-daħla prinċipali fl-10:00 ta’ filgħodu ħin lokali nhar il-Ħadd, u ħarġu minn bieb, lejn l-eqreb stazzjon tal-metro.

Il-Bibilioteca Mário de Andrade hija t-tieni l-akbar librerija tal-pajjiż u l-bini tagħha fiċ-ċentru ta’ São Paulo huwa mdawwar b’kameras b’teknoloġija li tagħraf il-wiċċ.

Il-belt innifisha għandha wkoll sistema estensiva ta’ kameras tas-sigurtà. Il-websajt tal-aħbarijiet Brażiljana G1 ippubblikat video li allegatament juri liż-żewġt irġiel jiġru tul it-triq, iġorru bejniethom dak li jidher li hi xkora b’pitturi ġo fiha.

L-uffiċjali għadhom ma ħarġux lista dettaljata tax-xogħlijiet misruqa, iżda skont il-gazzetta Folha de São Paulo, fost dawk li nsterqu hemm kollaġġ li Henri Matisse għamel għall-ktieb tal-arti Jazz f’edizzjoni limitata.

Matisse huwa meqjus b’mod wiesa’ bħala wieħed mill-aktar artisti influwenti tas-seklu 20 u l-kritiċi tal-arti jgħidu li l-valur tax-xogħlijiet misruqa huwa “inkalkulabbli”.

Il-ħallelin ħadu wkoll mill-inqas ħames inċiżjonijiet minn Portinari, maħluqa biex juru edizzjoni speċjali tar-rumanz Menino de engheno tal-kittieb Brażiljan José Lins do Rego.

Portinari, li spiss kien ipinġi ħaddiema rurali u ħaddiema oħra, huwa wieħed mill-aktar artisti Modernisti Brażiljani sinifikanti.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport