Tlitt ijiem qabel seħħ id-delitt fil-Birgu, l-akkużat kien tkellem ma’ waħda mill-ġirien tiegħu u qalilha “ħallewni bla flus, m’għandix biex nieħu belgħa te”. Dan ħareġ mix-xhieda ta’ Noel Bellotti hekk kif aktar kmieni kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Salvu Mangion li jinsab mixli bil-qtil ta’ Kyle Mifsud ta’ 33 sena.
Bellotti spjega li nhar il-21 ta’ Settembru li għadda, waqt li kien dieħel fl-appartament tiegħu sema lil xi ħadd jokrob u aktar tard martu qaltlu li kienet semgħet ħoss kbir u ħaseb li l-akkużat u s-sieħba tiegħu kienu reġgħu faqgħu l-bieb ta’ Mangion.
Bellotti ħareġ fil-komun tal-blokka u ra raġel mal-art iżomm wiċċu. Bejn tlieta u ħames minuti wara, ix-xhud sema’ lil xi ħadd iħabbat fuq il-bieb tiegħu. Hekk kif ħareġ barra sab lill-allegat vittma jagħti bis-sieq fuq il-bieb tiegħu.
“Salvu sparali”, Mifsud kien qal lil Bellotti. Hekk kif l-allegat vittma wrieh il-ferita li kellu, ix-xhud qallu li kien se jċempel l-Għassa ta’ Bormla. “Dak il-ħin kont konfuż… ċempilt lill-pulizija u għedtilhom li hemm bżonn ta’ ambulanza,” qal ix-xhud.
Bellotti spjega wkoll li kien sikwit jara lil Mifsud fil-komun tal-blokka, dieħel u ħiereġ mir-residenza ta’ Mangion. Ix-xhud qal li xi jien qabel l-isparatura, Mangion qal lill-mara tiegħu li ħallewh bla flus tant li ma kellux biex jieħu belgħa te.
Waqt li Mangion ma speċifikax għal min kien qed jirreferi, kemm ix-xhud kif ukoll il-mara tiegħu ħaduha li kien qed jgħid għal Mifsud u l-mara li kienet tkun qiegħda miegħu.
Fil-kontro-eżami, ix-xhud qal li xi drabi l-vittma kien imur id-dar tal-akkużat waħdu u xi drabi oħra “Donna” kienet tmur waħedha fid-dar tiegħu. Huwa ddeskriva lil Mangion bħala bniedem kwiet u li kien ixxokkjat metta l-vittma qallu li Mangion allegatament sparalu.
Il-mara ta’ Bellotti, Ruth, kompliet max-xhieda tar-raġel tagħha u qalet li Mifsud u mara oħra ta’ sikwit kienu jmorru għand Mangion. Qalet li dan kienu ilu għaddej għal madwar tliet snin.
Mistoqsija għalfejn dawn il-persuni kienu jmorr għand Mangion, hija qalet li semgħet li kienu jitolbu l-flus mingħand l-akkużat. “Dawn kienu persuni li jidhru li kienu jieħdu d-drogi. Xi tlitt ijiem qabel l-inċident, iltqajt ma’ Salvu, u kien sejjer l-Għassa biex jagħmel rapport għaliex kienu ħallewh bla flus,” hija żiedet tgħid.
Ix-xhud qalet koll li kienet taf lil Mangion għal madwar 30 sena, li kien raġel tal-familja u qatt ma kellhom problemi miegħu. Iżda x-xhud żiedet tgħid li kienu irritati bin-nies li kienu jżuru lill-akkużat.
Il-każ ikompli.
Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ qed titmexxa mill-Avukatt Kaylie Bonett mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispetturi Stephen Gulia u Francesca Calleja.
Għall-imputat qed jihru l-Avukati Franco Debono u Adreana Zammit.