Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l–imħabba tiegħek lejn il-ġinnastika?
Minn etá bikrija ta’ tliet snin, il-ġenituri bdew jesponuni għal diversi attivitajiet fiżiċi. Fosthom il-ballet, l-għawm, l-atletika u l-ġinnastika. Iżda, x-xewqa tiegħi bdiet dejjem tikber għall-ġinnastika. Kienet ommi li nnutat kemm kont flessibbli u b’enerġija żejda! Hi ħeġġitni biex ningħaqad ma’ klabb tal-ġinnastika u minn hemm beda kollox! Ma kontx naf x’kienet eżatt il-ġinnastika, iżda mill-ewwel ħassejtni dħalt f’dinja ġdida b’xewqa kbira sabiex nesplora! Dinja mimlija sfidi, eżerċizzji intensi, dixxiplina, rispett, stress, nuqqas ta’ ħin liberu u sens ta’ sodisfazzjon enormi. Il-familja u l-kowċis tiegħi dejjem kienu hemm biex jinkoraġġuni u jgħinuni nikber mhux biss bħala atleta, iżda wkoll bħala tfajla b’aktar kunfidenza fija nnifsi.
X’suċċessi maġġuri rnexxielek tikseb fil-karriera tiegħek sa issa, għalkemm għadek ta’ etá żgħira?
B’ħafna dedikazzjoni, sal-etá ta’ 11-il sena nħoss li rnexxieli niksib diversi ħolm, u hemm ħafna aktar li irrid naħdem għalihom. F’Malta normalment, kull sena issiru żewġ kompetizzjonijiet Nazzjonali fejn il-Federazzjoni tal-Ġinnastika f’Malta flimkien ma’ diversi klabbs tal-ġinnastika jgħinu sabiex isseħħ. Hawn nixtieq inzid ukoll li jkun hemm ukoll bosta ġenituri li jgħatu sehem volontarjament. Nista’ ngħid li dawn l-aħħar sitt snin ħadt sehem f’diversi Kompetizzjonijiet Nazzjonali. Kien hemm drabi fejn ħassejtni dimotivata u oħrajn fejn xtaqt nitla’ is-sema bis-sodisfazzjoni.
Dan huwa sport individwali, fejn ħafna drabi jkollok tikkompeti ma’ sħabek. Għandi bosta midalji u trofej li jvarjaw mill-ewwel sat-tielet post fil-floor routine, vault, balance beam u bars – numru sostanzjali fejn irbaħt b’mod ġenerali wkoll. Kelli diversi opportunitajiet offruti mill-klabb sabiex nirrapreżenta lil pajjiżi f’Kompetizzjonijiet Internazzjonali ġewwa Porto Aventura fi Spanja u l-Continental Cup ġewwa l-Portugall. Isiru ukoll bosta Kompetizzjonijiet Internazzjonali organizzati mill-klabb li nifforma parti minnu – il-GymStars ġewwa Malta.
Din is-sena kellna għall-ewwel darba l-iSpring Cup International Gymnastics Competition u kull sena jkollna l-International Women Artistic Competition. F’dawn l-avvenimenti, ksibt esperjenza kbira u anke irbaħt medalji tad-deheb, tal-fidda u tal-bronż f’kompetizzjonijiet fejn insibu ġinnasti numerużi bħal 50 persuna fl-istess kompetizzjoni. Dawn jikkompetu minn pajjiżi kbar fosthom l-Afrika t’Isfel, il-Lussemburgu, is-Serbja, il-Belġju, l-Iżvizzera, l-Olanda, Spanja u r-Renju Unit. Ikolli wkoll bosta kampijiet ta’ taħriġ mal-klabb. Din is-sena mal-Iskola Nazzjonali tal-Isport morna wkoll fir-Renju Unit ġewwa Lowestoft b’taħriġ intensiv ta’ erbgħa t’ijiem. Dawn l-esperenżi tawni kuraġġ, motivazzjoni u aktar passjoni biex inkompli nikber u ntejjeb il-ħiliet tiegħi fl-dan l-isport tant għal qalbi. Inħossni ferm kburija li nifforma parti mill-Iskola Nazzjonali tal-Isports fis-seba’ sena tiegħi fejn ninsab ferm kuntenta li nista’ nkompli l-istudju u l-isport f’ambjent tant ta’ imħabba u dedikażżjoni lejn il-bżonnijiet tal-istudenti. Dis-sena ukoll iffurmajt parti minn Team Malta bis-saħħa ukoll tal-Maltese Olimpic Committee, Malta Gymnastics Federation u l-klabb li nifforma parti minnu l-GymStars.
Kif tqis il–livell tal–ġinnastika f’pajjiżna fil–preżent?
F’Malta inħoss li l-ġinnastika minn dejjem kella ċertu popolaritá. Il-livell dejjem kien hemm, madanakollu huwa sport vera diffiċli u b’hekk ftit huma dawk li jispikkaw. B’kowcis aktar dedikati u professjonali f’xogħolhom il-livell qed jikber u aħna l-ġinnasti qed ningħataw bosta opportunitajiet bħal li nikkompetu fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar. Hawn nixtieq inżid li mhux biss il-ġinnastika huwa diffiċli fiżikament, mentalment imma anke finanzjarjament. Inħoss li l-familjari tal-ġinnastiċi qed jagħmlu bosta saġrifiċċji u fondi qed jingħataw lil dawk il-waħdiet biss li jaslu. Mentri hemm diversi ġinnasti li jinsabu biss pass ‘il bogħod li bi ftit għajnuna ikunu kapaċi joffru unuri għal pajjiżhom huma ukoll.
U dak tar–riżorsi fejn l-atleti tagħna jitħarrgu u jkollhom il–kompetizzjonijiet uffiċjali tagħhom?
Jiena bħala atleta li nifforma ukoll parti mill-iSkola Nazzjonali tal-Isport (NSS), nagħmel użu waqt il-ħin tal-iskola mill-gym fejn ikollna provdut l-apparat kollu neċessarju bħal floor, vault, beam u bars. Dan huma gym tal-istat, fejn issa hemm ukoll ieħor ġewwa l-Marsa fejn jistgħu jsiru l-Kompetizzjonijiet Nazzjonali u Internazzjonali organizzati. Hemm ukoll drabi fejn il-kompetizzjonijiet issiru ġewwa l-gym tal-klabb. Riżorsi qatt ma’ huma biżżejjed, iqumu ħafna flus u kif għidt diġa inħoss li ma tanx għandna għajnuna. Naħseb li l-ġenituri ta’ kull ġinnasta li tinsab f’livell avvanzat huma ta’ min jammira għax jgħatu ħajjithom totalment għal bzonnijiet ta’ dan l-isport. B’hekk naħseb li għandu jkun hawn aktar għajnuna mill-gvern u edukazzjoni dwar x’inhu jsir eżatt.
Kif tqis il-mentalitá tal-isport f’pajjiżna fil-preżent?
L-isport jiprovdi bosta benefiċċji b’mod ħolistiku. Madanakollu jiprovdi ukoll ħafna stress, nuqqas ta’ ħin liberu u min jieħdu b’mod eċċessiv anka jsofri minn problemi psikoloġiċi. Mhux faċli tiddeskrivi l-mentalita’ tal-isport f’pajjiżna, dan għax skond inti l-ambjent soċjali tiegħek. Jien nippratika mit-Tnejn sas-Sibt ġewwa l-gym tal-iskola u tal-klabb u ġieli anka l-Ħadd. Ovjament, imdawra b’nies li huma dedikati għall-isport! Nifhem imma li hemm min jarah bħala ħela ta’ ħin. Mhux l-ewwel darba li jgħiduli li f’Malta qed naħli l-ħin. Jien nifhem iċ-ċokon ta’ pajjiżi u ċerti limitażżjonijiet li għandna, madanakollu jien studenta dedikata ħafna ukoll f’edukażżjoni. Għandi wkoll imħabba lejn il-mużika speċjalment lejn il-pjanu u l-French Horn imma minħabba nuqqas ta’ ħin kelli nwaqqafhom temporarjament. Il-ħolma tiegħi barra li nikkompeti f’Olimpijadi hija wkoll li nkun tabiba speċjalizzata fl-isport.
Kif qed tħares lejn il–futur tiegħek fil-ġinnastika?
Ninsab ottimista ħafna dwar il-futur tiegħi fil-ġinnastika. Għalkemm għadni żgħira, għandi ħolma li nkun atleta professjonali u nirrappreżenta lil Malta f’kompetizzjonijiet internazzjonali prestiġjużi bħall-Commonwealth Games jew anke l-Olimpjadi. Irrid inkompli nitħarreġ b’mod regolari, intejjeb il-ħiliet tekniċi tiegħi, u nsir aktar b’saħħti kemm fiżikament kif ukoll mentalment. Naf li l-vjaġġ mhux se jkun faċli, iżda b’determinazzjoni, appoġġ mill-familja u l-kowċis, u b’imħabba kontinwa lejn dan l-isport, nemmen li nista’ nilħaq l-għanijiet tiegħi u nġib isem pajjiżi ’l quddiem.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jipprattika l–ġinnastika.
Inħeġġiġkom biex tagħmlu l-ewwel pass bla biżá. Il-bidu jista’ jidher diffiċli, iżda kull pass żgħir iwassal għal kisbiet kbar. Il-ġinnastika mhix biss dwar movimenti sbieħ – hija dixxiplina li tagħtik saħħa, kunfidenza u sħubija. Tgħallmek ma taqtax qalbek, anke meta ma jirnexxielekx mill-ewwel. Jekk għandek passjoni u impenn, kollox hu possibbli. Ħalli qalbek tmexxik, u ftakar li kull atleta kbira bdiet minn x’imkien. Ibda llum, u min jaf fejn tista’ tasal!