Wednesday, September 17, 2025

‘Ħallu lit-tfal jieħdu pjaċir ħalli t-tfal joħorġu t-talent kollu tagħhom bla biża’ u mingħajr pressjoni li ma twassal għal imkien’ – Godfrey Grima

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

L-imħabba tiegħi lejn il-futbol ġiet waħda naturali.  Fit-triq konna nilagħbu l-futbol kuljum u tista’ tgħid t-tfal kollha kienu jilagħbu l-ballun, bniet u subien.  Dak iż-żmien ukoll kien żmien it-Tazza tad-Dinja u aktar dħalt fiha ghax kien hemm atmosfera sabiħa fil-lokalitá fejn kont noqgħod, allura bla ma ridt sirt akkanit għal-logħba tal-ballun. 

Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala Head Coach tal-Foundation Phase fi ħdan l-Akkademja ta’ Pietà Hotspurs FC.

Ir-rwol tiegħi huwa wieħed f’fazi importanti tal-iżvilupp kalċistiku tat-tfal.  Ngħidulu ż-żmien tad-deheb fejn it-tfal jitgħallmu t-teknika tal-futbol u l-aktar żmien krucjali li x-xogħol primarjament isir bil-ballun. Ir-rwol tiegħi flimkien mal-Head Coach kollega tiegħi Andrea huwa li naraw li dak it-talent li huwa possibli joħroġ fit-tfal joħroġ, billi jkun hemm aktar komunikazzjoni bejn il-kowċis ta’ x’qiegħed isir, aktar għajnuna fit-taħriġ lill-kowċis biex jimxu mal-filosofija tal-klabb, eżempju li kollox isir b’intensitá u mingħajr stennija.  Xogħli huwa li mill-esperjenza tiegħi li kelli f’nurseries oħrajn inkluz il-Pietá u Assistant Coach ma’ żewġ timijeit kbar tal-Premier, naqsam dak li naf mal-kowċis sħabi.

Huwa fatt magħruf li t-tim tal-kbar ta’ Pietà Hotspurs FC qed jutilizza numru ta’ plejers prodotti tan-Nursery. X’taħseb li huwa s-sigriet rigward dan is-suċċess?

Dan is-suċċess huwa grazzi għall-hidma kbira tal-kumitat u bla dubju nista’ ngħid li Pietá huwa wieħed mill-ftit klabbs Maltin fejn it-tim tal-kbar u n-nursery jaħdmu ħafna f’kollaborazzjoni flimkien. Jien il-klabb tal-Pieta diġá kont Assistant Coach tal-kbar fl-2010 u din il-filosofija baqgħet għaddejja li ż-żgħażagħ dejjem jingħataw ċans jekk jaħdmu u jkunu lesti li jikkompetu għal posthom. It-tim tal-kbar dejjem ta l-appoġġ lin-nursery f’kulma kellha bżonn allura biż-żmien issa l-klabb tal-Pietá qed jieħu l-frott ta’ dan. Apparti minn hekk sigriet magħruf huwa l-ammont ta’ investiment li jsir fin-nursery fejn anke meta tara t-taħriġ kull kategorija għandha diversi kowċis u assistenti li dawn ikomplu jgħinu bis-sħiħ biex ma jintilef l-ebda tifel li kapaċi jagħmilha.  Mhix triq facli imma l-klabb dejjem wera bil-provi li jemmen fil-plejers żgħażagħ u l-istatistika tikkonferma dan li qed ngħid. 

Kif tqis il-livell tal-grassroots f’pajjiżna?

Meta nikkomparra ma’ klabbs oħra barranin speċjalment meta sifirt barra minn xtutna għal training camps jew tournaments tara li l-livell sa ċertu etajiet huwa tajjeb.  Peró, imbagħad meta jikbru minħabba forsi studju, minħabba xogħol, minħabba ħin ta’ taħriġ jintilfu ħafna żgħażagħ u uħud li jibqgħu, jibqgħu biss f’livell għall-gost għax finanzjarjament mhux vijabbli.  Peró, qed jidher biċ-ċar li meta ż-żgħażagħ jeħduha bis-serjetá u jmorru bi prova barra minn Malta kemm bniet u anke subien qed ikollna plejers ta’ ċertu livell. 

U dak tal-futbol Malti fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?

Bla dubju, il-futbol Malti għamel avvanzi. Peró, nibqa’ ngħid li jekk aħna għamilna ħames passi ‘l quddiem, ħaddiehor għamel elf magħna. Sfortunatament għadna niddiskutu ċerti suġġetti li konna nitkellmu dwarhom 15-il sena ilu u għadhom ma nbidlux. 

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

L-issue tal-grawnds hija problema kbira u waħda li titfagħna lura. Uħud mill-akbar klabbs f’Malta li saħansitra jikkompetu fl-Ewropa lanqas għandhom grawnd ta’ kobor kif suppost.  Jinħlew hafna mir-riżorsi finanzjarji tal-klabbs għall-kiri ta’ pitches biex it-tfal u ż-żgħażagħ ikollhom grawnd ta’ daqs raġjonevoli.  Minħabba dan il-fattur inħoss li għall-gżira żgħira ta’ Malta hawn wisq nurseries.  U kull klabb qed jillapazza flok juża l-aħjar riżorsi ta’ xulxin bħalma jsir fis-settur privat.  Mhux tajjeb li l-klabbs l-aktar li qed joħorġu talent baqgħu bla grawnd ta’ daqs kif suppost u flok jużaw l-finanzi għal riżorsi aħjar qed jispiċċaw jonfquhom għall-kiri ta’ grawnds minflok. 

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Jien inħobb kull settur li joffri l-futbol.  Kemm dak tal-grassroots huwa għal qalbi,  kif is-settur tal-kbar.  Għexthom it-tnejn u ma neskludi xejn fil-futur.  Peró, xi darba naspira li jkolli sehem f’deċiżjonijiet relatati mal-grassroots biex inkun nista’ naqsam l-ideat tieghi fi rwol aktar ta’ deċiżjonijiet li jittiehdu u li jaffettwaw il-futbol taż-żgħażagħ inġenerali. 

Ghaddi messaġġ finali lil min jixtieq jaghmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Il-futbol jirrikjedi sagrifiċċju bħal kull ħaġ’oħra fil-ħajja.  Ftit għadek issib żgħażagħ li lesti jissagrifikaw mill-ħin tagħhom, ma joħorġux, joqgħodu attenti x’jieklu, kemm jorqdu eċċ.  Biex tasal trid tkun iffukat, u meta kowċ jgħaddilek rimarka mhux tara kif ħa ġġib skuża jew oħra imma xxammar il-kmiem u taħdem aktar.  U messagg ieħor għall-ġenituri – ħallu lit-tfal jieħdu pjaċir ħalli t-tfal joħorġu t-talent kollu tagħhom bla biża’ u mingħajr pressjoni li ma twassal għal imkien! 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport