Saturday, December 21, 2024

Ħames fatalitajiet tat-traffiku fl-aħħar kwart tal-2021

Aqra wkoll

Matul ir-raba’ kwart tal-2021, kien hemm żieda fl-ammont ta’ inċidenti rrappurtati kif ukoll dawk li weġġgħu fl-istess inċidenti, meta mqabbel mal-istess kwart tas-sena ta’ qabel. F’dan l-istess perjodu kien hemm ħames fatalitajiet kaġun ta’ inċidenti tat-traffiku.

Statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) turi li n-numru ta’ inċidenti rrapportati bejn Ottubru u Diċembru 2021, kien dak ta’ 3,697, li jfisser żieda ta’ 16.6% fuq l-istess perjodu tal-2020. 

Mill-istatistika rriżulta wkoll li t-total ta’ persuni feruti f’inċidenti żdied b’21.9% għal 379.  Dawk li weġġgħu gravi kienu jammontaw għal 84 u kienu jinkludu 49 xufier u 15-il passiġġier fost l-oħrajn. 

Il-maġġoranza ta’ dawk li sofrew ġrieħi gravi kienu rġiel (76.2%). Il-ħames vittmi tat-traffiku kienu jinvolvu erba’ rġiel u mara. L-akbar ammont ta’ persuni midruba kellhom bejn is-26 u d-59 sena.

L-akbar għadd ta’ inċidenti li fihom indarbu persuni kienu jinvolvu vetturi tal-passiġġieri (57.5%), segwiti minn muturi (33.2%) u vetturi tal-merkanzija (6.3%). Tlieta mill-ħames fatalitajiet tat-traffiku kienu sewwieqa li baqgħu deħlin fi proprjetà u żewġ fatalitajiet oħra kienu jinvolvu persuni li ntlaqtu minn vetturi waqt li kienu mexjin. 

Fil-perjodu msemmi kien hemm ukoll tmien ċiklisti involuti f’inċidenti tat-traffiku, bi tlieta minnhom isofru minn ġrieħi gravi. L-akbar ammont ta’ inċidenti li fihom sfaw midruba persuni kien irreġistrat matul il-jum tal-Erbgħa, b’62 inċident. Min-naħa l-oħra, l-aktar li seħħew inċidenti kien fil-jum tal-Ġimgħa (628 każ).

Il-lokalità li fiha seħħew l-akbar ammont ta’ inċidenti kienet Birkirkara (277 każ), segwita minn Ħal Qormi u San Pawl il-Baħar, b’206 u 178 każ rispettivament.  

Sadanittant, l-istatistika turi li matul is-sena li għaddiet seħħew total ta’ 14,135 inċident tat-traffiku f’pajjiżna, li jfisser żieda ta’ 2,185 każ meta mqabbel mal-2020. 

Ekonomija

Sport