Tuesday, November 26, 2024

Ħames ilbiesi tat-tieġ mill-kollezzjoni nazzjonali tat-tessuti qed jiġu esebiti fil-Palazz tal-Inkwiżitur

Illum wieħed jista’ jżur il-Palazz tal-Inkwiżitur u l-Forti Sant’Anġlu

Aqra wkoll

Ħames ilbiesi tat-tieġ mill-kollezzjoni nazzjonali tat-tessuti qed jiġu esebiti fil-Palazz tal-Inkwiżitur – il-Mużew Nazzjonali tal-Etnografija, fil-Birgu. L-ilbiesi jmorru lura sas-seklu 19 u 20 u waħda minnhom, milbusa għall-ewwel darba fi tmiem is-snin 70, intlibset mill-ġdid fl-2001 minn bint l-għarusa oriġinali.

L-aktar libsa antika nħadmet mill-ħarir fl-ewwel nofs tas-seklu 19. Hemm għall-wiri wkoll dublett u blouse suwed mixtrijin fl-1917, libsa tas-satin tal-1952 magħmula minn omm l-għarusa u rrakkmata mill-għarusa stess, u libsa tal-1965 kompluta bil-velu, li nħietet minn ħajjata. Il-ħames libsa nħadmet fl-1979, u fuqha ntlibset kappa bil-barnuża li hija esebita wkoll. Din il-libsa nħietet mill-għarusa u minn ommha, u 22 sena wara reġgħet intlibset – din id-darba mit-tifla tal-ewwel għarusa.

Il-wirja tinkludi żewġ intervisti interessanti – waħda mat-tifel tal-għarusa li libset il-libsa tal-1917 u l-oħra mal-għarusa li l-libsa tagħha ntlibset kemm minnha stess kif ukoll minn bintha.

L-istili u l-materjal tal-ilbiesi tat-tieġ varjaw ħafna matul is-snin, kif tixhed din il-wirja. It-telekomunikazzjoni, il-miġja tal-fotografija, l-istampar ta’ kotba u rivisti dwar il-moda u l-ħjata, kif ukoll il-produzzjoni ta’ drappijiet differenti u oġġetti li jintużaw fil-ħjata, ilkoll ħallew l-impatt tagħhom. Minbarra x-xejriet tal-moda, kien hemm fatturi oħra li influwenzaw il-preferenzi tal-għarusa, fosthom il-qagħda soċjo-ekonomika, reliġjuża u finanzjarja ta’ familtha kif ukoll is-sitwazzjoni personali tagħha, bħal jekk kinitx orfni jew armla.

Il-wirja tibqa’ miftuħa sa Lulju tal-2024. It-tnedija tagħha taħbat mal-Birgufest, li se jsir fit-13 u fl-14 ta’ Ottubru fil-Birgu. Is-Sibt 14, bħala parti mill-Birgufest, il-Palazz tal-Inkwiżitur u l-Forti Sant’Anġlu se jkunu miftuħin sat-tard u min jixtieq jista’ jżurhom it- tnejn b’biljett wieħed li jiswa biss €3. Il-biljett jinxtara biss mill-bieb ta’ dawn is-siti.

Sport