Bejn l-2015 u April li għadda kien hawn ħames nisa li għaddew il-virus HIV lil uliedhom.
Kien id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne li qal dan fil-Parlament għal numru ta’ mistoqsijiet tad-deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg. Fearne spjega li minn 326 li matul l-imsemmi perjodu rriżulta li kellhom l-HIV kien hemm 11 li l-virus żviluppat f’AIDS.
Minn dan in-numru ta’ persuni bl-HIV 93 ħadu l-virus permezz ta’ trasmissjoni eterosesswali u 216 waqt kuntatt omosesswali. Minbarra l-ħames ommijiet li għaddew il-viurs lil uliedhom kien hemm persuna li ħadet l-HIV bit-teħid tad-droga u 22 każ li mhux magħruf kif laqqtu l-virus.
Mistoqsi wkoll mill-istess deputata dwar meta se titlesta l-istrateġija dwar l-HIV, Fearne qal li din se titnieda fit-tieni nofs ta’ din is-sena.