Fi stqarrija maħruġa minnha l-Pulizija kkonfermat li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija b’rabta mal-inċident fatali tat-3 ta’ Diċembru 2022 ma waqfux sa mill-ewwel sigħat tal-bidu tal-istess investigazzjoni fl-istess jum.
Il-Pulizija żiedet li dawn l-investigazzjonijiet intensivi kienu qegħdin isiru id f’id mal-Inkjesta Maġisterjali.
Wara l-konklużjoni tal-Inkjesta Maġisterjali mmexxija minn Dr. Marse-Ann Farrugia u l-arresti ta’ ħames persuni l-Ġimgħa filgħaxija, fl-aħħar sigħat l-investigaturi ġabru biżżejjed evidenza sabiex jitressqu l-Qorti żewġ żviluppaturi tal-proġett ta’ 37 sena residenti n-Naxxar u ta’ 38 sena residenti Birkirkara; żewġ kuntratturi ta’ 38 sena residenti l-Imsida u ta’ 39 sena residenti l-Mosta; u l-Perit tal-proġett ta’ 36 sena residenti Ħaż-Żabbar.
Huma se jkunu akkużati li involontarjament ikkawżaw il-mewt ta’ żagħżugħ ta’ 20 sena u li kkawżaw ġrieħi gravi fuq persuni oħra, fost akkużi oħrajn.
Huma se jitressqu l-Qorti llum, għall-ħabta tas-6:00 p.m , quddiem il- Maġistrat tal-għassa Dr Natasha Galea Sciberras.