Il-Malta Blackball Federation organizzat it-tielet turnew ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew tal-Blackball li se jsir fil-belt ta’ Ennis fl-Irlanda.
Fil-finali l-aktar mistennija tal-irġiel, Johan Attard għeleb lil Gary Carr 10-8. Kienet logħba inċerta sal-aħħar b’Attard li kien preċiż fl-azzjonijiet tiegħu iżda b’Carr li dejjem ġera wara l-avversarju tiegħu.
Anke l-logħba bejn Matthias Debono u Nordai Desira fil-kategorija ta’ taħt it-23 sena kienet waħda bilanċjata għalkemm tal-ewwel rebaħ 9-8.
Raymond Caruana xejn ma sabha faċli sabiex jirbaħ il-finali ta’ ‘l fuq minn 40 sena hekk kif għeleb lil Jesmond Schembri 10-9 filwaqt li Brian Grech kiseb rebħa tajba ta’ 8-3 kontra Manuel Saliba fil-finali ta’ ‘l fuq minn 60 sena.
Wirja kbira ta’ Dielyn Edwards għenitu sabiex jirbaħ il-finali ta’ taħt il-15-il sena hekk kif għelbu lil Ezekiel Ciantar 9-2.
Dawn il-ħames plejers rebbieħa kisbu d-dritt li jilagħbu mat-tim nazzjonali Malti f’din il-kompetizzjoni Ewropea li se ssir f’Novembru li ġej.