F’sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Vatikan, il-Kardinal Taljan Angelo Becciu, li jiġi l-eks konsulent tal-Papa Franġisku, ġie kkundannat għal ħames snin u nofs ħabs wara li tressaq il-Qorti fuq akkużi relatati mal-finanzi.
Midja internazzjonali rrapurtat, li Becciu għandu 75 sena u li huwa l-iktar uffiċjal għoli tal-Vatikan li qatt iffaċċja akkużi bħal dawn. Fil-Qorti, Angelo ċaħad l-akkużi kollha miġjuba kontrih u qal li qatt ma abbuża meta kien fil-kariga ta’ konsulent.
L-avukat ta’ Becciu qal li l-klijent tiegħu kien innoċenti u li se jressaq appell. Fil-Qorti ingħad li huwa kien għaddej f’ġuri flimkien ma’ disa’ akkużati oħra, li kollha kemm huma instabu ħatja fuq akkużi separati.
Waqt li kien qed jinstema’ l-każ, wieħed mill-kbarat fil-Qorti, Giuseppe Pignatone ħabbar li Becciu kien instab ħati ta’ abbuż finanzjarju waqt li kien qed jokkupa l-kariga ta’ konsulent tal-Papa Franġisku. Id-disa’ akkużati l-oħra, instabu ħajta fuq akkużi relatati ma’ frodi, ħasil ta’ flus u abbuż fil-kariga.
Fl-2014, il-Vatikan nefaq aktar minn €200 miljun biex akkwista sehem ta’ 45% f’bini, li kien ippjanat li jinbidel f’appartamenti lussużi. Sal-2018, is-Segretarjat tal-Istat tal-Vatikan kien iddeċieda li jixtri l-proprjetà għal kollox, u nefaq mal-€150m ewro oħra fix-xiri. Allegatament, dak li kien iffirma l-ftehim kien Becciu, li dak iż-żmien kien is-Sostitut tal-Vatikan għall-Affarijiet Ġenerali.