Tuesday, December 24, 2024

Ħames snin ħabs wara li pprova joqtol lil kuġinuh b’daqqiet bil-mus

Aqra wkoll

Raymond Debono ta’ 62 sena mill-Għargħur kien ikkundannat ħames snin priġunerija wara li nstab ħati li pprova joqtol lil kuġinuh, anzjan ta’ 74 sena, b’daqqiet bil-mus. 

Il-każ imur lura għat-18 ta’ Settembru 2019, għall-ħabta tal-5.45 p.m. fi Sqaq il-Warda, il-Għargħur. Il-vittma, Emmanuel Zarb, kien irrakkonta kif l-imputat joqgħod fi trejqa li tagħti għat-triq li joqgħod ibnu. 

Ġara li peress li ibnu kien imsiefer, filgħodu kien jgħaddi minn quddiem id-dar ta’ Debono biex iniżżel il-ħasira tal-bieb t’ibnu u filgħaxija jmur itellagħha. Qal li l-aħħar li niżel biex imur itella’ l-ħasira, ra lill-imputat fil-bieb tiegħu u għalkemm baqa’ għaddej, Debono ġie warajh u qallu “jien lilek noqtlok” u “ħareġ il-mus u qabad ixejru”. 

Qal li kien intlaqat taħt żaqqu fuq ix-xellug. Huwa baqa’ sejjer u talab xi nies biex isejħu għall-ambulanza. Kompla jgħid li dam kważi ġimgħa rikoverat l-isptar u bid-daqqa l-kbira li qala’ taħt żaqqu “kważi l-imsaren ġew jidhru.” 

Min-naħa tiegħu, Debono fl-istqarrija li ta lill-pulizija semma kif il-kwistjoni li kellu ma’ kuġinuh kienet dwar il-kera tal-fond fejn jgħix għaliex filwaqt li hu kien lest iħallas lil Zarb €100, dan tal-aħħar ried €185. 

Sadanittant, fil-Qorti, l-imputat xehed li l-post li jgħix fih huwa nofs tal-familja tiegħu u n-nofs l-ieħor proprjetà tal-familja ta’ kuġinuh u dwaru hemm kwistjoni ma’ Zarb. Jgħid li d-diżgwid miegħu kien ilu għaddej is-snin.

Dakinhar tal-aggressjoni huwa jgħid li kien fil-bieb jistenna l-qattus u ra lil Zarb li għamel ġest li se “jomħot” u qal li dak il-ħin intilef minn sensih. Hawn il-Qorti fakkret li fl-istqarrija tiegħu l-imputat ma għamel l-ebda referenza għal xi provokazzjoni min-naħa ta’ Zarb anzi jgħid li dakinhar ma kienx mar iħabbatlu. 

Mix-xhieda tiegħu ħareġ li l-imputat kien irrabjat għall-fatt li kien se jispiċċa mkeċċi min dik li kienet dar tfulitu, fejn trabba ma’ familtu. “Ix-xhieda tal-imputat timmanifesta li dak li seħħ ma seħħx wara provokazzjoni iżda seħħ bi tpatija u ritaljazzjoni,” qalet il-Qorti. Fil-fatt Debono ddikjara li jiddispjaċih ta’ dak li seħħ.

Fil-Qorti ħareġ ukoll li l-ġrieħi li sofra Zarb kienu gravi, tant li kien fil-periklu tal-mewt, fejn kien biss bl-intervent kirurġiku f’waqtu, li ħajtu ġiet salvata. 

Il-Qorti nnotat ukoll li “f’dan il-każ ma kien hemm l-ebda att provokatorju min-naħa ta’ Zarb li kulma għamel kien li eżerċita dritt li kellu bħal kull ċittadin ieħor li jgħaddi minn sqaq li nzerta kien jgħix fih Debono. 

“Mhemmx dubju li l-għemil ta’ Debono ma jista’ qatt jinkwadra bħala wieħed li bniedem ta’ temperament ordinarju seta’ kellu reazzjoni simili għal dik li nfexx f’dagħdigħa fiha Raymond Debono.” 

“Ma jista’ qatt ikun hemm xi dubju li bl-għemil tiegħu, Debono, ried jikkaġuna ħsara lil Zarb. Biżżejjed wieħed jara l-immaġni ta’ tkexkix tal-imputat ixejjer bis-sieq lill-anzjan li kien għadu kemm tah xeba’ mus u tefgħu f’xifer il-mewt. Xi krudeltà,” kompliet tgħid il-Qorti. 

“Il-vjolenza qatt ma tista’ tiġi tollerata”

Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech qalet li dan kien każ fejn ma kien hemm ebda atti provokatorji min-naħa ta’ Zarb imma Debono kien qed jistenna lil Zarb bil-mus fil-but; azzjoni “premeditata.” 

“Il-Qorti hi obbligata tqis l-impatt li reati simili mwettqa b’tant vjolenza u brutalità  jħallu fuq il-membri tas-soċjetà. Għalkemm Debono hu raġel matur li ma jirriżultax li għandu kondotta vjolenti u għalkemm ma jirriżultax li Debono jeħtieġ riforma jew rijabilitazzjoni partikolari, il-vjolenza qatt ma tista’ tiġi tollerata.” 

“Is-soċjetà jeħtieġ tingħata messaġġ ċar. Dak li l-Qrati jservu tat-tarka kontra kondotta sfrenata u inumana bħal dik li wera Debono meta ppermetta l-istinti l-aktar bażiċi u inumani tiegħu jieħdu sopravent, u wasal sabiex b’tant krudeltà u bla eżitazzjoni infexx f’attakk fuq anzjan ta’ 74 sena u li kieku ma kienx għall-intervent tat-tobba, il-konsegwenzi setgħu kienu xort’oħra.”

Kien għalhekk li sabitu ħati ta’ erba’ mill-ħames akkużi fosthom dik ta’ attentat ta’ qtil u li kellu strument li jaqta’ u bil-ponta mingħajr liċenzja u kkundannnatu ħames snin priġunerija flimkien ma’ multa ta’ €116.47ċ.

Il-Qorti ordnatlu wkoll biex bħala kumpens lill-vittma għall-offiżi li kkawżalu, jagħtih is-somma ta’ €4,000. Finalment ordnat lill-ħati biex iħallas l-ammont ta’ €20,922 fi spejjeż tal-Qorti. 

Il-Qorti ħarġet ordni ta’ trazżin fil-konfront tal-imputat u favur il-vittma u familtu għal żmien tliet snin. 

Ekonomija

Sport