Saturday, December 21, 2024

Ħames snin mill-waqgħa tat-Tieqa… ma jnaqqasx l-interess turistiku

Aqra wkoll

Illum, 8 ta’ Marzu 2022, għaddew ħames snin minn mindu waqgħet it-tieqa tad-Dwejra, tieqa li kienet popolari kemm mal-Maltin u l-Għawdxin, kif ukoll mat-turisti.

Skont il-Ministru tal-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Jose Herrera, dak iż-żmien Ministru għall-Ambjent, l-Iżvilupp Sostenibbli u t-Tibdil fil-Klima, diversi studji wrew li l-ebda intervenzjoni umana ma setgħet tippreveni t-twaqqigħ tat-tieqa.

Dakinhar tal-aħbar, kemm l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, kif ukoll l-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, esprimew s-sogħba tagħhom għat-telfa ta’ dik deskritta bħala “ikona naturali tal-gżira Għawdxija”. Muscat stqarr li għadd ta’ rapporti li saru matul is-snin bassru li għad jasal żmien meta jseħħ kollass naturali u ħadd ma seta’ jwaqqfu. 

Ritratt: Arkivji

Ma setax jonqos li għadd ta’ Għawdxin juru d-delużjoni tagħhom f’dan il-mument tant kommoventi, tant li saħansitra bosta minnhom marru fil-post għax bilkemm setgħu jemmnu dak li seħħ. 

Għalkemm it-Tieqa tad-Dwejra m’għadhiex hemm, l-attenzjoni tat-turisti matul dan il-perjodu ma naqsitx, b’bosta jkunu dawk li jżuru l-post u jieħdu r-ritratti mal-post li fih kienet din l-istruttura. Barra minn hekk, ħafna dilettanti tal-għads, kemm lokali kif ukoll barranin, ħadu l-opportunità biex ikomplu japprezzaw is-sbuħija tat-tiġrif tagħha fil-baħar.

Ċertament, li miljuni ta’ ritratti mxerrdin f’diversi pajjiżi madwar id-dinja kollha se jservu bħala legat ta’ din iż-żona turistika. 

Ekonomija

Sport