Thursday, December 26, 2024

ĦAMES SNIN TA’ INIZJATTIVI MA JAQTGĦU XEJN MILL-VCA

Aqra wkoll

L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta qiegħda tiċċelebra l-ħames anniversarju mit-twaqqif tagħha. Ħames snin li matulhom rajna jittellgħu bosta programmi u inizjattivi li permezz tagħhom erġajna rajna qawmien kulturali li mhux biss niżel tajjeb mal-Maltin imma wkoll mat-turisti li jiġu jżuruna.

Irridu qabel xejn infakkru li din l-aġenzija kienet twaqqfet bħala legat tal-Fondazzjoni Valletta 2018 u kompliet bit-tħejjija ta’ programm kulturali kull sena kif ukoll b’ħidma li kienet waħda immirata lejn ir-riġenerazzjoni kulturali, soċjali u ekonomika tal-Belt Kapitali.

Fost l-akbar attivitajiet li ttella’ l-aġenzija hemm bla dubju ta’ xejn dawk li jattiraw l-akbar ammont ta’ udjenzi fosthom il-Valletta Green Festival, il-Valletta Pageant of the Seas, Opera in the Capital, il-Valletta Local Food Market, il-Christmas in the Capital u l-avveniment li jsir lejlet l-ewwel tas-sena.

Din is-sena mhux se tkun eċċezzjoni u bħalma rajna fis-snin li għaddew, se jkunu qegħdin jittellgħu bosta attivitajiet li mistennija jkomplu jagħtu l-ħajja lill-belt kapitali ta’ pajjiżna tant hija għażiża għalina l-Maltin u l-Għawdxin, li hija mogħnija bi storja rikka.

Il-ħidma sfiqa li qiegħda tagħmel il-VCA qiegħda tkun ukoll rikonoxxuta anke b’diversi premjijiet fosthom dak l-aktar riċenti fil-kategorija tal-inklużjoni u l-aċċessibilità waqt il-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2023. Barra minn hekk kif ukoll rebħet diversi unuri prestiġjużi kemm għall-programmi tagħha kif ukoll għall-Valletta Design Cluster.

Nemmnu li dawn il-kisbiet kollha huma xhieda tal-impenn tal-Aġenzija li żżomm mal-wegħda tagħha, dik li ssaħħaħ u ssostni l-ħajja kulturali, ekonomika u soċjali vibranti tal-Belt Valletta. Inħarsu ‘l quddiem għal aktar ħidma li fl-aħħar mill-aħħar issarraf f’ġid kbir u anke tippermetti wkoll l-iżvilupp ta’ ħiliet kreattivi ma’ diversi artisti, partijiet interessati, membri tal-komunità u organizzazzjonijiet kulturali pubbliċi.

Il-VCA għandha tassew għalxiex tkun kburija bis-suċċessi li qiegħda tikseb, fejn l-attivitajiet organizzati qegħdin jintlaqgħu tajjeb ferm mill-pubbliku inġenerali fl-istess waqt li huma tal-ogħla livell u fuq kollox inizjattivi li tassew jixirqu lill-Belt Kapitali.

Ekonomija

Sport