Monday, January 12, 2026

Ħames żgħażagħ jitwaqqfu mill-Pulizija fuq sewqan perikoluż u tlielaq illegali

Aqra wkoll

Ilbieraħ filgħaxija l-Pulizija wettqet diversi spezzjonijiet fl-inħawi ta’ Ta’ Qali, b’rabta ma’ rapporti ta’ sewqan perikoluż u tlielaq illegali.

Waqt li l-pulizija kienu fi Triq San Ġakbu f’Ħ’Attard, semgħu żewġ vetturi jinstaqu b’veloċità eċċessiva u dehru li kienu qed itellqu. Il-pulizija segwew il-vetturi u nnutaw lis-sewwieqa jinjoraw is-sinjali tat-traffiku, jagħmlu manuvri perikolużi u joħolqu riskju serju għal nies oħra fit-triq.

Sussegwentement il-vetturi ġew imwaqqfa, fejn is-sewwieqa, żewġ ġuvintur ta’ 18-il sena, ġew identifikati u infurmati li se jinħarġu akkużi fil-konfront tagħhom.
Aktar tard, waqt li l-pulizija kienu fuq ronda fi Triq Durumblat, il-Mosta, innutaw tliet vetturi oħra jinstaqu b’veloċità eċċessiva, b’wieħed minnhom saħansitra jipprova jaqbeż billi jgħaddi kontra t-traffiku.

Il-pulizija rnexxielhom iwaqqfu waħda mill-vetturi, fejn ġie identifikat is-sewwieq u ftit tal-ħin wara instabu wkoll iż-żewġ vetturi l-oħra, bil-bqija tax-xufiera jiġu wkoll identifikati. It-tliet sewwieqa, żewġ ġuvintur ta’ 21 u ieħor ta’ 26 sena, ġew infurmati li se jinħarġu akkużi fil-konfront tagħhom.

Il-Pulizija tfakkar li s-sewqan perikoluż u t-tlielaq fit-toroq jipperikolaw il-ħajja u se tkompli tieħu azzjoni kontra min jikser il-liġi u jpoġġi lil ħaddieħor f’riskju.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport