Ħames żgħażagħ Maltin li għandhom bejn il-15 u t-18-il sena, li isimhom mhux jixxandar fuq ordni tal-Qorti, tressqu l-Qorti mixlija li ħebbew għal ieħor ta’ 14-il sena f’Tas-Sliema.
L-Ispettur Wayne Camilleri spjega li l-pulizija kienu infurmati bl-inċident li seħħ lejn l-aħħar tax-xahar li għadda fejn żagħżugħ ta’ 14-il sena kien allega li safa aggredit minn grupp ta’ żgħażagħ.
L-allegat vittma kien ittieħed l-Isptar Mater Dei għall-kura minħabba l-ġrieħi li sofra. Meta marru fuq il-post, il-Pulizija kienu sabu ġuvni ta’ 13-il sena waħdu.
Dan il-ġuvni qal li beda jibża’ mill-grupp li kien miegħu l-vittma u għalhekk ċempel lil sħabu. Mal-wasla tagħhom skatta argument bil-vittma jisfa aggredit.
Fil-Qorti ntqal li l-pulizija kisbet xi filmati mill-kameras tas-sigurtà u qalet ukoll li l-ġuvni ta’ 13-il sena beda jiżvela l-identità ta’ wħud mill-imputati. Meta l-pulizija kellmet lill-imsemmija akkużati fil-preżenza tal-ġenituri tagħhom, dawn komplew jikxfu l-identità tal-bqija li kienu involuti.
Il-ħames imputati wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom u ngħataw il-ħelsien mill-arrest taħt diversi kundizzjonijiet.

