Monday, December 23, 2024

Ħames żoni ħodor ġodda rikreazzjonali jsiru aċċessibbli għall-pubbliku

Aqra wkoll

Ambjent Malta lestew interventi fuq ħames spazji ħodor ġodda u miftuħa biex iservu bħala żoni fejn jistgħu jsiru l-picnics u l-familji jqattgħu ħin ta’ mistrieħ.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia, fejn spjega li s-sena li għaddiet, il-Ministeru flimkien mal-Awtorità tal-Ippjanar ħarġu dokument ta’ diskussjoni dwar siti ta’ camping, karavans u picnics, bil-għan li jassistu fit-tfassil ta’ qafas ta’ politika għall-użu tal-art relatat ma’ dawn l-attivitajiet.

Minn din il-konsultazzjoni, ġew identifikati żoni potenzjali għall-picnics fil-Fgura, fis-Salina, l-Aħrax tal-Mellieħa, il-Miżieb u d-Dwejra tul il-Victoria Lines.

Wara spezzjoni u proċess ta’ evalwazzjoni, Ambjent Malta bdiet diversi interventi, fejn għamlet żbir, tindif ġenerali ta’ skart u tneħħija ta’ materjal mormi, tneħħija ta’ speċi aljeni invażivi u installazzjoni ta’ sinjali ġodda. Fil-picnic area tal-Miżieb ġew installati wkoll bankijiet ġodda.  

Il-Ministru Farrugia tenna li ż-żoni ta’ rikreazzjoni huma dawk li jagħtu l-ħajja lill-komunitajiet, peress li dawn jipprovdu ambjent aħjar u jikkontribwixxu għal kwalità ta’ ħajja aħjar. Huwa propju għalhekk li l-gvern imbarka fuq proġetti li joffru żoni ħodor fil-komunitajiet li jtejbu l-kwalità tal-ħajja għar-residenti.

“Il-feedback li tajtuna mill-konsultazzjoni pubblika li varajna ftit tax-xhur ilu qed timmaterjalizza. Illum qed inħabbru ħames żoni ġodda li Ambjent Malta ħadmet fuqhom biex fiż-żmien li ġej ikunu jistgħu jintużaw bħala picnic areas. Dan il-proġett imur id f’id mal-kullana ta’ ideat u proġetti li qed nattwaw madwar il-pajjiż biex noħolqu spazji miftuħa għal familji,” qal Farrugia. 

Ekonomija

Sport