Saturday, October 26, 2024

AĠĠORNAT: Ħamest idjar tal-anzjani b’żieda fin-numru ta’ każi pożittivi; Il-vittmi tal-Covid jitilgħu għal 108

Aqra wkoll

Matul l-aħħar 24 siegħa minn 3,377 swab test li saru rriżultaw 121 jaż ġdid ta’ persuni infettati bil-Covid-19, filwaqt li rkupraw 105 persuni. Għaldaqstant il-każi attivi telgħu għal 2,167.

Intant fl-aġġornament tagħha ta’ kull ġimgħa s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci kkonfermat il-mewt ta’ żewġ anzjani oħrajn biex għaldaqstant issa n-numru tal-vittmi kaġun tal-Covid-19 f’pajjiżna issa tela’ għal 108.

Fl-ewwel każ anzjana ta’ 86 sena kienet irriżultat pożittiva fit-8 ta’ Novembru li għadda u mietet matul il-lejl li għadda, filwaqt li anzjana oħra ta’ 75 sena mietet aktar kmieni llum.

Il-Professur Gauci qalet li b’kollox hemm 13-il persuna li qed jirċievu kura fit-Taqsima tal-Kura Intensiva fl-Isptar Mater Dei minħabba l-Covid-19, filwaqt li hemm 15-il persuna oħra li qed jirċievu kura fit-taqsima tal-mard infettiv.

Hija tenniet li ħamest idjar tal-anzjani reġistraw żieda fin-numru tal-każi pożittivi fost ir-residenti. B’kollox hemm 204 każi attivi fi djar tal-anzjani f’Malta u Għawdex, b’74 każ f’Dar Pinto, 39 każ fir-residenza Golden Care Malta, 35 każ fl-Isptar Zammit Clapp, 35 każ f’Casa Paola, seba’ każi fir-residenza San Lawrenz, u 13-il każ f’San Vinċenz de Paule.

Saħqet li mill-clusters ta’ każi attivi reġistrati matul din il-ġimgħa l-biċċa l-kbira tagħhom – 138 każ – ġejjin minn tixrid tal-virus fost qraba, 60 każ ta’ tixrid tal-virus fuq il-post tax-xogħol, 13-il każ importat minn barra, u erba’ minn attivitajiet soċjali.

Hija appellat biex kull min iħossu ma jiflaħx ma jmurx xogħol. Dan hekk kif hawn bosta virus li s-sintomi tagħhom huma simili ħafna għas-sintomi tal-Covid-19.

Fir-rigward tal-każijiet importati, il-Professur Gauci qalet li t-13-il każ irriżultaw minn 610 test li sar fl-ajruport, li minn din il-ġimgħa introduċa r-rapid testing. Qalet li minn Awwissu ’l hawn b’kollox kien hemm 78 każ ta’ Covid-19 li kien importat f’pajjiżna.

Hija qalet ukoll li hemm seba’ każi ta’ persuni pożittivi għall-Covid-19 fiċ-ċentri miftuħin u ta’ detenzjoni, filwaqt li fil-Faċilità korrettiva ta’ Kordin hemm ħames każi attivi, tnejn fost il-priġunieri u erba’ ħaddiema tal-Faċilità.

L-età medja tal-persuni infettati bil-Covid-19 irreġistra tnaqqis marġinali mill-ġimgħa li għaddiet, biex issa l-età medja hija ta’ 42 sena.

Il-Professur Gauci esprimiet it-tama tagħha dwar l-aħbarijiet fir-rigward tal-vaċċin, speċjalment li dan qed ikun effettiv fost persuni anzjani. Madankollu hija ma tat l-ebda indikazzjoni dwar meta Malta tista’ tirċievi dożi tal-vaċċin.

Fir-rigward tal-festi tal-Milied, il-Professur Gauci appellat lin-nies biex kemm jista’ jkun ma jqattgħux dawn il-jiem jiltaqgħu ma’ ħafna nies oħra minħabba r-riskju assoċjat mat-tixrid tal-virus. Fl-istess waqt appellat biex wieħed iżomm f’moħħu r-riskju li l-anzjani u n-nies vulnerabbli huma esporti għalihom.

Sport