17-il persuna fosthom ħamest itfal inqatlu filwaqt li diversi residenzi nqerdu f’attakk mill-ajru li seħħ fil-kapitali tas-Sudan, Khartoum.
L-attakk seħħ ġurnata biss wara li ġeneral tal-ogħla livell fl-armata hedded li jsaħħaħ l-attakki kontra l-Forzi ta’ Appoġġ Rapidu paramilitari.
Il-ġlieda bejn l-armata Sudaniża u l-RSF faqqgħet f’nofs April u kienet parti mir-riżultat ta’ ġlieda vizzjuża għall-poter fi ħdan it-tmexxija militari tal-pajjiż. Skont l-unjin tat-tobba hemm kważi 1,000 persuna ċivili li nqatlu u ħafna aktar midrubin riżultat ta’ din il-ġlieda.
Minkejja li tħabbru diversi waqfiet mill-ġlied biex in-nies ikunu jistgħu jaħarbu, dawn baqgħu ma ġewx osservati.
Mill-bidu tal-kunflitt, għexieren ta’ eluf ta’ ċittadini ħarbu mill-fruntiera lejn iċ-Ċad. It-tobba u l-isptarijiet hemmhekk spiċċaw jitħabtu biex ilaħħqu mad-domanda.
Il-vjolenza qajmet ukoll kunflitt li ilu għaddej 20 sena fir-reġjun tad-Darfur fil-punent tas-Sudan.