Ħamrun 147 C rebħu l-Kampjonat Challenge tal-Blackball meta fil-finali li ntlagħbet fil-Fuego Speakeasy Arena f’Birkirkara huma għelbu lil Jojo’s Birżebbuġa 11-8.
Bħal finali l-oħra li ntlagħbu matul din il-ġimgħa fil-Blackball, anke dan il-konfront kellu l-emozzjonijiet tiegħu.
It-tim minn Birżebbuġa stabilixxa vantaġġ doppju iżda Ħamrun kienu pront ġabu l-iskor indaqs sabiex fit-tieni parti tal-logħba rnexxielhom dejjem iżidu d-distakk bl-avversarji tagħhom li xorta baqgħu ma ċedewx. Fl-aħħar mill-aħħar kien Mario Scicluna li daħħal il-boċċa rebbieħa u ta r-rebħa finali lil Ħamrun 147 C li kienu qed jiċċelebraw għal darb’oħra minħabba li t-tim A kienu rebħu ċ-Cisk Premier League ġurnata qabel.
Ħamrun 147 C kellhom lil Chaylon Castaldi, Jake Castaldi, Wayne Bonnici, Christopher Demicoli, Jed Abela, Mario Scicluna, Jeffrey Farrugia u Joseph Cutajar.
Fi tmiem il-konfront Christopher Busuttil f’isem il-Malta Blackball Federation ippreżenta t-tazza lill-captain ta’ Ħamrun 147 C Chaylon Castaldi.
Illum tintlagħab l-aħħar finali ta’ din il-ġimgħa fil-Blackball meta mir-Regional League, Qormi Anici Boys jilagħbu kontra San Ġwann Tiki Taka A.