Ħamrun Ħanin, l-id soċjali tal-Ħamrun Spartans FC ħabbu t-tnedija ta’ inizjattiva ġdida li għandha l-għan li tgħaqqad lil kull min hu involut fil-komunità tal-futbol biex jaħdmu flimkien lejn oġġettiv komuni li jħalli impatt fis-soċjetà ta’ madwarna. L-għan ta’ Sports Unity huwa li ssir attività jew tnejn fis-sena li tgħaqqad lill-komunità sportiva li verament tagħmel differenza fil-komunitajiet ta’ madwarna.
L-ewwel proġett ta’ Sports Unity se jiffoka fuq ir-riċerka dwar il-kanċer, u għal dan l-għan intlaħaq ftehim mal-RIDT, fond ta’ riċerka tal-Università ta’ Malta, biex jinġabru fondi li jmorru fuq studju dwar din il-marda krudili. Il-qofol tal-attivitajiet marbuta ma’ din l-inizjattiva se tkun Serata Gala li se ssir aktar tard din is-sena bil-parteċipazzjoni tal-plejers, kowċis, staff tekniku u referees tal-Premier u ċ-Challenge League.
“L-iSport għandu rwol fundamentali fis-soċjetà tagħna u jekk nużawh kif suppost nistgħu ngħaqqdu lil kulħadd”, sostna ċ-Chairman ta’ Ħamrun Ħanin Ian Debattista. “L-isport jgħaqqad nies minn pajjiżi u kulturi differenti u jħeġġiġhom biex jaħdmu lejn oġġettiv komuni. Huwa għodda b’saħħitha li jista’ jgħin biex persuni jitħalltu flimkien mingħajr ostakli”.
L-inizjattiva Sports Unity għandha l-appoġġ mhux biss tat-timijiet tal-Premier u ċ-Challenge League iżda wkoll ta’ organizzazzjonijiet importanti fil-futbol lokali bħall-MFA, MFPA u l-MPL. “Eventwalment, nixtiequ nwessgħu din l-inizjattiva anke għal sport ieħor”, żied jgħid Ian Debattista.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, faħħar din l-inizjattiva u qal, “L-Isport huwa settur li jġib ir-riżultati u wkoll li jgħaqqad il-komunità kollha. Illum qed naraw kif permezz tal-isport se mmorru pass ‘l hinn u se ningħaqdu flimkien għal għan nobbli ħafna, għan li permezz tiegħu se naraw aktar riċerka se twassal biex ikun hemm tagħrif li jwassal għal titjib fit-trattament kontra l-kanċer għall-ġid tal-pazjenti u s-soċjetà kollha kemm hi.”
Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti spjega kif “illum, qegħdin nintroduċu l-kunċett ta’ Sports Unity. Din l-inizjattiva għandha l-għan li tigbor flimkien kemm il-klabbs tal-futbol kif ukoll il-partijiet interessati għal attivitajiet kollaborattivi li jħallu impatti pożittivi fis-soċjetà tagħna.”
‘’Faċilità waħda li hija ffinanzjata direttament minn CRIHM huwa l-ħoqien tal-proġett ta’ Mobile Unit li ħa jkollu l-faċilità li jassisti inizjattivi bħal Sports Unity billi taqdi l-komunitajiet, organizzazzjonijiet skolastiċi, u attivitajiet sportivi. Se jservi ukoll bħala sors u pjattaforma għar-riċerka kif ukoll biex jeduka dwar is-saħħa u jinħoloq iktar gharfien rigward il-prevenzjoni u l-kura tal-mard. Din l-intrapriża kollaborattiva tikkumplimenta wieħed mill-irwoli ewlenin tal-Cancer Research and Innovation Hub Malta (CRIHM) li ġiet imnedija riċentement”, temm jgħid Azzopardi Tanti.
L-Onor David Agius, Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-iSport kien ukoll preżenti għat-tnedija ta’ Sports Unity.
Is-Sur Wilfred Kenely, Kap Eżekuttiv tal-RIDT qal: “Din l-inizjattiva għandha aktar minn sinifikat wieħed. Hija turija ta’ apprezzament għax-xogħol li jsir fil-kamp tar-riċerka fl-Universita ta’ Malta. Hija ukoll mod kif il-komunita sportiva tipparteċipa fit-tkabbir tar-riċerka tal-kanċer, u hija mezz kif l-isport u il-football b’mod partikolari jista jwassal għall-għaqda bejn gruppi ta’ nies li normalment ikunu rivali jew kompetituri. U din l-għaqda hija waħda li għandha għan nobbli ħafna – dak li jinġabru flus għar-riċerka tal-kanċer f’Malta. Nixtieq nuri l-apprezzament kbir tiegħi lejn Ħamrun Ħanin illi ħarġu b’din l-inizjattiva u nawgura suċċess fl-attivitajiet kollha li se jkunu marbuta magħha”.