Thursday, March 27, 2025

Ħamrun Ħanin tissieħeb mal-YFA u l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu għat-Tnedija tal-proġett ‘Niskurjaw bil-Kotba’

Aqra wkoll

L-organizzazzjoni volontarja Ħamrun Ħanin nediet il-proġett Niskurjaw bil-Kotba (Goal for Literacy) bil-kollaborazzjoni tal-Youth Football Association (YFA) u l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu bl-għan li jitħeġġeġ il-qari fost it-talenti sportivi żgħażagħ f’pajjiżna. Permezz ta’ din l-inizjattiva, se jitqassmu numru ta’ libreriji żgħar u kotba bl-Ingliż u bil-Malti lill-akkademji tal-futbol f’Malta u Għawdex, bl-għan li t-tfal u żgħażagħ li jattendu dawn l-akkademji kif ukoll il-qraba li jakkumpanjawhom ikollhom aċċess għal numru ta’ kotba tul il-ħin li jqattgħu hemmhekk.

Filwaqt li l-libreriji kienu finanzjati minn fondi miksuba mill-Community Development and Innovation Scheme, amministrata mis-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni, il-kotba kienu ipprovduti mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu (Ministry għall-Edukazzjoni, Sport, Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni). Dan il-proġett innovattiv se jibda b’fażi pilota f’għaxar akkademji qabel ma jkun estiż għal dawk il-klabbs kollha li huma interessati.

Ian Debattista, iċ-Chairman ta’ Ħamrun Ħanin tkellem dwar l-impenn ta’ din l-organizzazzjoni li tuża l-futbol bħala pjattaforma għal impatt soċjali pożittiv. “L-isort u l-edukazzjoni jimxu id f’id. Filwaqt li l-futbol jippromwovi d-dixxiplina u l-ħidma f’tim, il-qari jgħin lit-tfal jiżviluppaw il-kreattività u l-għarfien tagħhom. Permezz ta’ din l-inizjattiva, irridu nagħtu lil dawn il-plejers – u l-qraba tagħhom li spiss iqattgħu ħin twil jakkumpanjawhom għat-taħriġ, iċ-ċans li jibbenefikaw mit-tnejn. Ħassejna li dawn il-fondi nistgħu nużawhom għal benefiċċju mhux tagħna biss iżda wkoll tan-nurseries madwar Malta u Għawdex”.

Joseph Cassar, Viċi President tal-YFA, żied: “Tul dawn l-aħħar erba’ snin, il-Youth FA saħħet l-element ta’ responsabbilta’ soċjali bil-ħolqien tal-kampanja ‘Live it with Love’, ibbażata fuq il-filosofija ta’ Fr Hilary lejn il-futbol u l-isport b’mod ġenerali. Filfatt, il-YFA iddeversifikat l-aspett tal-futbol f’appoġġ soċjali wiesa’, bl-għan li jkunu megħjuna n-nurseries u l-membri affiljati tagħhom. Permezz ta’ din it-tnedija, il-YFA qed tingħaqad ma’ Ħamrun Ħanin u l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu biex nipprovdu lill-akkademji membri l-opportunità li jespandu u jippromwovu l-importanza tal-qari fost il-ġenerazzjoni żagħżugħa mingħajr il-bżonn li jmorru Libreriji Pubbliċi iżda jsibu kotba direttament disponibbli fil-komunitajiet tagħhom u jkunu jistgħu jisselfu l-kotba min-nursery qabel jew wara s-sessjoni ta’ taħriġ.

David Muscat, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu qal: “L-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu se tkun qed tilgħab parti integrali f’din l-inizjattiva billi tipprovdi donazzjoni ta’ mitt ktieb ta’ kwalità għoja bil-Malti u bl-Ingliż, lill-akkademji kollha li jipparteċipaw. L-Aġenzija ilha sa mill-2017 taħdem biex tqarreb il-futbol u l-litteriżmu permezz tal-Footballers Read and Write Programme li jippromwovi l-iżvilupp ta’ ħiliet tat-tfal fil-lingwa u l-litteriżmu permezz ta’ attivitajiet marbuta mal-futbol.”

It-tnedija uffiċjali tal-avveniment kienet indirizzat mill-eks plejer internazzjonali tal-futbol Carmel Busuttil, li llum iservi bħala Grassroots Headcoach mal-Ħamrun Spartans Football Club School of Excellence u huwa wkoll Leader fil-Footballers Read and Write Programme u ambaxxatur tal-qari.

Artiklu preċedenti

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport