L-organizzazzjoni volontarja Ħamrun Ħanin wettqet pass importanti biex tkun żammet fis-sħiħ mal-impenn tagħha li tipprovdi multi-sensory room għal tfal u żgħażagħ fuq l-ispettru tal-awtiżmu u l-familji tagħhom.
Dan il-pass kien possibbli hekk kif ġie ffirmat ftehim mal-Autism Parents Association (APA) u l-SGPC Guardian Angel Secondary School li se jwassal biex dan il-proġett jitwettaq bis-sħiħ. Grazzi għal dan il-ftehim, l-SGPC Guardian Angel Secondary School se tipprovdi l-ispazju fiżiku, filwaqt li Ħamrun Ħanin, l-id soċjali ta’ Ħamrun Spartans FC, se tkun qed tagħti kontribut ta’ €12,000 biex isiru x-xogħlijiet meħtieġa u jinxtara t-tagħmir sensorju speċjalizzat meħtieġ. L-APA se tkun qed tipprovdi gwida professjonali dwar l-ippjanar u d-diżinn, kif ukoll l-aqwa prattika biex ikun żgurat li l-multi-sensory room tilħaq l-ħtiġijiet tal-persuni b’awtiżmu.
Dan il-ftehim jirrappreżenta l-qofol ta’ proċess ta’ 18-il xahar li beda b’rabta mal-Jum Internazzjonali tal-Għarfien dwar l-Awtiżmu tas-sena li għaddiet. Il-qofol ta’ din l-inizjattiva kien intlaħaq b’irkant ta’ flokk iddiżinjat minn Jacob Fava, tifel b’awtiżmu ta’ disa’ snin, u li ntlibes mit-tim ta’ Ħamrun Spartans FC waqt partita tal-FA Trophy. Il-kampanja għenet biex inħoloq aktar għarfien dwar l-isfidi u l-bżonnijiet ta’ persuni fuq l-ispettru tal-awtiżmu. Wara li nġabar l-ammont ta’ fondi meħtieġ għal multisensory room, l-akbar sfida kienet sakemm instab post adegwat.
Ian Debattista, chairman ta’ Ħamrun Ħanin, qal: “Ninsabu ferm kuntenti li qegħdin nonoraw l-impenn li ħadna biex nipprovdu multisensory room lill-komunità. Ninsab grat tal-appoġġ li sibna mill-imsieħba tagħna f’dan il-proġett, SGPC Guardian Angel Secondary School u l-APA li kienu warajna f’dan il-vjaġġ. Dan huwa l-frott tanġibbli tal-impenn tagħna li, bl-isport, inħallu impatt soċjali fuq tul ta’ żmien”.
Valerie Brincat, kelliema għall-APA żiedet: “L-aċċess għal ambjent sensorju kalm u li joffri appoġġ huwa essenzjali għal tfal u żgħażagħ fuq l-ispettru tal-awtiżmu. Din il-kamra toffri spazju sigur fejn huma jistgħu jħossuhom siguri u jirregolaw l-emozzjonijiet tagħhom. Ninsabu ferm kuntenti li din l-inizjattiva minn wegħda qed issir realtà”.
Elizabeth Pisani, Kap tal-Iskola, qalet li “din is-sħubija tirrifetti s-saħħa trasformattiva tal-kollaborazzjoni bejn il-komunità fl-edukazzjoni. B’ħidma flimkien, qed noħolqu spazju multi-sensorju li se joħloq esperjenzi ta’ tagħlim aktar rikki filwaqt li nipprijotizzaw l-inklużjoni u l-benesseri tal-istudenti. L-iskola tħares ‘il quddiem li tkompli taħdem biex tipprovdi riżorsi innovattivi biex kull min qed jitgħallem, jilħaq il-potenzjal sħiħ tiegħu”.



