Saturday, November 23, 2024

Ħamrun Ħanin torganizza għotja kbira ta’ ikel għad-Drop-In Centre tal-YMCA

Aqra wkoll

F’turija sabiħa ta’ solidarjetà, Ħamrun Ħanin issieħbet ma’ Alberta Group u Ħamrun Spartans FC Daikin School of Excellence biex torganizza donazzjoni sostanzjali ta’ prodotti tal-ikel, ħwejjeġ u prodotti essenzjali oħra lid-Drop-In Centre l-ġdid tal-YMCA fil-Ħamrun. Il-ġbir ta’ ikel ġie organizzat b’tifkira tal-Jum Internazzjonali għall-Eradikazzjoni tal-Faqar, imfakkar madwar id-dinja fis-17 ta’ Ottubru.

L-imsieħba differenti għaqqdu l-isforzi tagħhom biex jagħtu kontribut biex tiġi miġġielda waħda mill-problemi kbar tal-komunità tagħna, l-inċertezza tal-ikel. Bejn 600 u 800 persuna fix-xahar qed iħabbtu l-bibien ta’ dan iċ-Ċentru l-ġdid fil-Ħamrun ifittxu xi tip ta’ għajnuna. B’din id-donazzjoni, l-YMCA se tkun tista’ tkompli tipprovdi rifuġju, ikel u għajnuna lil dawk li qed jaffrontaw xi diffikultà fil-komunità tagħna.

Il-plejers tal-Ħamrun Spartans FC Roko Prsa u Yuliyan Nenov kienu preżenti wkoll biex jappoġġjaw din id-donazzjoni filwaqt li juru l-impenn tal-Klabb favur dawk fil-bżonn.

Filwaqt li Ħamrun Ħanin organizzat din il-ġabra kbira, li għaliha kkonkorew għadd ta’ ħwienet madwar il-pajjiż u anke donaturi individwali, Alberta Group organizzat ġabra ta’ ikel fost il-ħaddiema tagħha. Min-naħa l-oħra, l-Iskola tal-futbol tal-Ħamrun sejħet lill-plejers żgħar u żgħażagħ tagħha, li ssieħbu b’entużjażmu u taw kontribut biex jgħinu lil dawk fil-bżonn.

Anthony Camilleri, Kap Eżekuttiv ta’ YMCA qal: “Dan iċ-ċentru fil-komunità qed iservi ta’ pont biex għadd ta’ persuni jingħataw ħajja aktar dinjituża, bħala eżempju ta’ komunitajiet inklussivi u motivazzjoni għall-kollaborazzjoni u responsabbiltà soċjali akbar. Bl-għajnuna tal-pubbliku, il-komunità Ħamruniża u dawk li jgħinuna, qed nagħtu d-dinjità li tixraq lil dawk li jiġu għandna għall-għajnuna, u nwasslu tbissima fuq ħdan dawk li qed ibatu fis-silenzju”.

Membri ta’ Ħamrun Ħanin għenu fit-twassil tal-ikel fid-Drop-In Centre u esprimew it-tama li aktar kumpaniji, klabbs oħra u individwi jsegwu dan l-eżempju fil-ġimgħat li ġejjin biex jagħtu kontribut għal din il-ġlieda kontra l-faqar fil-komunitajiet ta’ pajjiżna.

Sport