Friday, December 13, 2024

Hamrun S. jirbħu s-Super Cup għas-seba’ darba

Aqra wkoll

Hamrun Spartans …..2

Sliema Wanderers …0

Minn Cristian Muscat

Hamrun Spartans reb­ħu l-BOV Super Cup għas-seba’ darba (minn seba’ finali) fl-istorja tagħhom meta għelbu lil Sliema Wanderers bl-iskor ta’ 2-0, biż-żewġ goals jaslu fit-tieni taqsima.

Kienet partita ta’ żewġ uċuh bi Sliema jkunu l-aħjar fl-ewwel taqsima, iżda wara l-mistrieħ, Hamrun dehru trasformati biex għamlu d-differenza għal dan is-suċ­ċess.

Kienu Sliema li ħolqu l-ewwel periklu wara seba’ minuti meta free-kick insidjuż ta’ Steve Pisani ġie mdawwar f’corner mil-goalkeeper Henry Bonello.

Fl-24 minuta, xutt fil-baxx ta’ Adam Magri Overend ġie salvat minn Bonello.

Fil-35 minuta, f’kontrattakk veloċi Vito Plut għadda lejn Magri Overend li kellu x-xutt fil-baxx indirizzat għar-rokna tax-xibka iżda ġie mdawwar f’corner bi bravura minn Bonello.

Hamrun wieġbu għall-ewwel darba 10 minuti wara permezz ta’ xutt fil-baxx ta’ Raphael Lopes Silva li ġie salvat mill-goalkeeper Kelvin Emeka Agu.

Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, Hamrun komplew fejn ħallew qabel il-mistrieħ u fl-54 minuta, Raphael Lopes Silva kellu xutt mill-viċin jaħbat max-xibka minn barra, biex ta l-illużjoni tal-goal.

Iżda fit-63 minuta, huma fetħu l-iskor meta wara xogħol tajjeb ta’ Luke Montebello, RAPHAEL LOPES SILVA  daħal fil-kaxxa u b’xutt lejn ir-rokna tax-xibka xeħet lill-partitarji Ħamruniżi f’ dellirju ta’ ferħ.

Fis-77 minuta, il-Wanderers spiċċaw jilagħbu bi player inqas meta tkeċċa Henrique Murilo wara li rċieva t-tieni karta safra.

Hamrun approfittaw minn dan il-vantaġġ numeriku u fil-81 minuta ssiġillaw ir-reb­ħa meta l-goalkeeper Slimiż naqas li jżommu il-ballun f’attakk tal-Ispartans biex LUKE MONTEBELLO minn taħt il-lasti kien pront u sammar il-ballun fix-xibka.

Fit-88 minuta, Luke Montebello kellu f’saqajh il-ballun tat-tielet goal iżda kellu l-konklużjoni tiegħu taħbat max-xibka minn barra.

Sa tmiem il-partita, l-Ispartans komplew jammi­nistraw il-vantaġġ doppju li kellhom mingħajr xkiel.

Wara l-partita, il-viċi-pre­sident tal-MFA, Dr Matthew Paris, ippreżenta l-BOV Super Cup lill-captain ta’ Hamrun, Steve Borg, fost il-ferħ tal-partitarji, players u diriġenti tal-Ispartans.

HAMRUN S.: 1-Henry Bonello, 4-Steve Borg, 6-Daniel Letherby, 7-Luke Montebello, 8-Talison Lui Barboza (28-Juan Carlos Corbalan 91), 10-Joseph Essien Mbong, 14-Elionay Freitas Da Silva, 33-Mayron, 91-Emerson Marcelina (55-Kean Scicluna 84), 94-Ryan Camenzuli (3-Mattias Ellul 91), 99-Raphael Lopes Silva   – Coach: Alessandro Zinnari

SLIEMA W.: 12-Kelvin Emeka Agu, 2-Jean Borg, 7-Adam Magri Overend (14-Nicholas Strickland 85), 9-Vito Plut, 11-Myles Beerman (97-Jonata Bastos 74), 15-Gustavo Alcino, 20-Wescley (77-Mohamed Awad 60), 31-Henrique Murilo, 33-Geoffrey Edwin Acheamping, 42-Simon Zibo, 70-Steve Pisani (5-Neil Frendo 85)   – Coach: Paul Zammit

REFEREE: Matthew Degabriele

ASS. REFEREES: Luke Por­telli, Vasil Vasilev

RABA’ UFF: Alex Johnson

SKORERS: R. Lopes Silva 63, L. Montebello 81 (HS)

AMMONITI: J. E. Mbong, E. Freitas Da Silva (HW), V. Plut, H. Murilo (SW)

TKEĊĊA: H. Murilo 77 (SW)

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport