Se jkunu Ħamrun SC u Sliema huma l-finalisti tal-kampjonat nazzjonali tal-Beach Soccer wara li rebħu s-semifinali rispettivi tagħhom.
Iċ-champions attwali Ħamrun SC ftit sabu diffikulta’ biex jirbħu lil WA Agency 8-2.
Kienu WA Agency li marru minn fuq permezz ta’ Dylan Musu iżda l-Ħamruniżi ġabu l-iskor indaqs minn Joshua Olejabi. Eventwalment Tobi Hakiti poġġihom minn fuq u minn hemm ‘l hemm l-affarijiet saru iktar faċli għat-tim immexxi minn Joel Winters.
Fil-fatt huma żiedu l-iskor wara gowls ta’ Tobi Hakiti, li għaqqad tripletta personali, Nezar Abouaisha (doppjetta), JP Zammit u Kyle Bartolo. Min-naħa l-oħra WA Agency reġgħu naqqsu l-marġni tal-iskor minn Essa Salem.
Referees kienu Andrea Naudi u Stephen Vella.
Sliema Beach Soccer xejn ma sabuha faċli sabiex jegħlbu l-isfida tal-finalisti tas-sena l-oħra La Playa de Arena 5-4.
Kif jindika l-iskor, kienet logħba ferm interessanti u inċert sal-aħħar. Is-Slimiżi baqgħu konsistenti tul il-logħba kollha sabiex ħarġu bil-kwalifikazzjoni finali.
Matthew Agius skorja doppjetta għal Sliema filwaqt li Dias, Brandon Bray u Roberto Fassari żiedu l-iskor għat-tim tagħhom.
La Playa de Arena wieġbu b’gowls ta’ Daryl Micallef, Sheldon Mizzi, Karl Micallef u Ryan Dalli.
Referees kienu Andrea Naudi u Stefania Bonnici.
Il-finali bejn Sliema Beach Soccer u Ħamrun SC tintlagħab għada fil-Bajja s-Sabiħa f’Birżebbuġa.