Friday, December 20, 2024

Hamrun Spartans b’rebħa minima fuq Marsaxlokk

Aqra wkoll

Marsaxlokk ……0

Hamrun S. …….1

Hamrun Spartans kisbu rebħa minima ta’ 1-0 kontra Marsaxlokk biex b’hekk saħħew posthom fil- quċċata tal-klassifika, flim­kien ma’ Floriana, li għandhom vantaġġ ta’ seba’ punti fuq l-eqreb rivali.

Kien mistenni iktar mill- Ispartans, meta wieħed iqis il-kwalitá ta’ players li huma jippossjedu, b’Marsaxlokk iżda daqstant ieħor naqsu milli jimpressjonaw, hekk kif ħolqu żewġ azzjoni biss denji ta’ nota.  

Kienu l-Ispartans li ħarġu fuq l-offensiva u wara biss ħames minuti, Ryan Camenzuli kellu xutt mid-distanza li għoddu qarraq bil-goalkeeper Serb, Marko Drob­njak, li iżda salva tajjeb. 

Huma komplew jippressaw u fil-11-il minuta, minn azzjoni ta’ corner, Roko Prsa kellu t-tentattiv tiegħu mdawwar f’corner minn Drobnjak.

Fl-40 minuta Hamrun rebħu penalty meta Weder Soares Da Silva waqqa’ lil Montebello fil-kaxxa.

Mill-11-il metru, inkariga ruħu, l-istess LUKE MONTEBELLO li ma żbaljax meta permezz ta’ xutt fil-baxx tefa’ lil Drobnjak, naħa u l-ballun in-naħa opposta, b’dan ikun is-seba’ goal staġjonali tiegħu biex qed jaqsam il-quċċata tal-lista tal-iskorers flimkien ma’ Kemar Reid ta’ Floriana.

Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, Marsaxlokk, ħarġu ferm aggressivi u fit-48 minuta Sunday Akinbule kellu x-xutt minn qagħda ideali jgħad­di jħakkek mal-wieqfa.

Fid-69 minuta Hamrun Spartans, fallew ċans tad- deheb li jirduppjaw l-iskor meta Monetbello għadda lejn Ryan Camenzuli li kellu x-xutt mill-ewwel tiegħu jispiċċa ftit għoli.  

L-Ispartans komplew jid­dominaw u fit-73 minuta reġgħu resqu viċin li jsibu x-xibka għat-tieni darba meta Ognjen Bjelicic ra lil Drobnjak barra minn postu, u ttanta xortih permezz ta’ xutt angolat mid-distanza li iżda għadda jħakkek mal-wieqfa.

Fit-88 minuta, Marasaxlokk tilfu opportunitá unika li jagħmlu l-iskor indaqs meta Yuri De Jesus Messias, minn taħt il-lasta tefa’ inkreddibilment barra.

Fl-aħħar sekondi tal-partita, l-istess Yuri De Jesus Messias tilef ċans tad-deheb ieħor għax-Xlukkari meta minn pożizzjoni tajba kellu t-tentattiv tiegħu jintemm ftit barra.

Marsaxlokk: 95-Marko Drobnjak, 3-Weder Sraes da Silva, 6-Nikolai Muscat, 10-Yuri De Jesus Messias, 11-Duane Bonnici, 17-Jacob Walker (23-Samuel Boakye 68), 19-Ayo Armakh Vaikanah, 27-Leandro Aguirre (99-Anthony Obonogwu 78), 30-Ryan Scicluna, 88-Sunday Akinbule, 94-Jose Fernanod Junior Gomes   – Coach: Winston Muscat

Hamrun s.: 22-Federico Marchetti, 4-Steve Borg, 7-Luke Montebello (17-Yulian Nenov 80), 10-Joseph Mbong, 12-Roko Prsa, 14-Elionay Freitas Da Silva, 23-Uros Duranovic, 27-Ognjen Bjelicic, 30-Seth Painstsil (98-Jonny 61), 91-Emerson Marcelina, 94-Ryan Camenzuli   – Coach: ciano Zauri

REFEREE: Andrea Sciriha

ASS. REFEREES: Mitchell Scerri, Vasil Vasilev

RABA’ UFF: Trustin Farrugia Cann

SKORER: L. Montebello  40 pen (H) 

AMMONITI: R. Scicluna (M), E. Freitas Da Silva, E. Marcelina (H)

Ekonomija

Sport