Sunday, December 22, 2024

Hamrun Spartans jaċċertaw post fiċ-Championship Pool

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Sta Lucia …………….0

Hamrun Spartans ….1

Goal għaxar minuti minn tmiem il-partita ta’ Arthur Oyama ta rebħa lil Hamrun Spartans fuq Santa Lucia bl-iskor ta’ 1-0 biex aċċertaw posthom fiċ-Championship Pool. B’din it-telfa l-Luċjani baqgħu fil-post ta’ qabel l-aħħar.

Kienu Santa Lucia li ħolqu l-ewwel periklu fis-sitt minuta meta Vito Plut għadda tajjeb lejn Gian­marco Conti li mill-viċin ra lill-goalkeeper Henry Bonello jdawwar f’corner bi bravura.

Hamrun wieġbu fit-32 minuta meta xutt mill-viċin ta’ Franklin Sasere għadda ftit barra.

Fis-36 minuta, Santa Lucia reġgħu kienu perikolużi meta Victor Luiz Filho  xeħet cross lejn Davidy Meghon li kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu minn qagħda ideali salvata tajjeb minn Bonello biex l-istess player sussegwentament kellu daqqa ta’ ras oħra li din id-darba ntemmet barra.

Eżattament qabel tmiem l-ewwel taqsima l-Ispartans kellhom ċans tajjeb li jiżblukkaw l-iskor iżda xutt bid-dawra minn ġol-kaxxa tal-winger Luke Gambin spiċċa  ftit għoli.

Kien hemm antiċipaz­zjoni li wara l-mistrieħ iż-żewġ timijiet joħorġu jfittxu l-goal li tant kellhom bżonn … Hamrun Spartans biex jaċċertaw posthom fiċ-Championship Pool filwaqt li Sta Lucia jagħmlu pass kbir lejn is-salvazzjoni.

Iżda l-ewwel mumenti kien ferm kwieti u neqsin minn kull emozzjoni. Infatti kellna nistennew sal-64 minuta biex waslet l-ewwel azzjoni meta Justin Haber salva tajjeb fuq konklużjoni ta’ Gambin.

U proprju fit-80 minuta, l-Ispartans skorjaw dak li kellu jkun il-goal tar-rebħa meta permezz ta’ xutt qawwi ta’ ARTHUR OYAMA ma ta l-ebda ċans lil Justin Haber li jsalva.

Fil-ħin miżjud Hamrun tilfu ċans tad-deheb li jir­dup­pjaw meta Faissal El Bakhtaoui qabeż difensur avversarju qabel kellu l-konklużjoni tiegħu ti­ġi mdawra f’corner minn Haber.

STA LUCIA: 16-Justin Haber, 4-Andre Prates, 5-Jurgen Pisani, 6-Nicholas Pulis, 7-Gianmarco Conti, 8-Patrick Silva Mota (22-Jamie Zerafa 83), 9-Vito Plut, 11-Davidy Ayrton Valpoort Meghon (10-Alan Da Silva Souza 72), 17-Victor Luiz Prestes Filho (14-Jan Tanti 83), 23-Dexter Xuereb, 29-Yoel Lorenzo Soares Fonseca   – Coach: Giovanni Tedesco

HAMRUN S.: 1-Henry Bonello, 4-Darko Gojkovic, 7-Joseph Essien Mbong, 12-Arthur Oyama, 15-Steve Borg, 17-Franklin Sasere, 20-Matteo Fedele (10-Jorge Ailton Soares 67), 23-Luke Gambin (29-Predrag Djordjevic 67), 28-Juan Carlos Corbalan (30-Karl Micallef 78), 91-Emerson Marcelina, 92-Faissal El Bakhtaoui – Coach: Branko Nisevic

REFEREE: Slobodan Petrovic

ASS. REFEREES: Luke Por­telli, Chris Francalanza

RABA’ UFF: Malcolm Spiteri

SKORER: A. Oyama 80 (HS)

AMMONITI: F. El Bakhtaoui, S. Borg (HS), A. Prates, J. Haber (SL)

Ekonomija

Sport