Minn Cristian Muscat
Balzan ………….1
Hamrun S. ……1
(Hamrun S. 4-1 bil-penalites)
Hamrun Spartans ikkwalifikaw għall-kwarti-finali tal-Izibet FA Trophy meta għelbu lil Balzan bl-iskor ta’ 4-1 bl-għoti tal-penalties wara li l-partita spiċċat fi draw ta’ 1-1.
Kollox ma’ kollox kienet rebħa meritata għal Hamrun minħabba li, bla dubju, kienu l-aħjar team.
L-ewwel taqsima kienet ferm kwieta u nieqsa minn kull emozzjoni ikkaratterizzata minn ħafna logħob f’nofs il-ground, fejn ġew innotati biss żewġ azzjonijiet denji.
Kien biss fl-40 minuta li walset l-ewwel azzjoni denja ta’ nota bi Predrag Djordjevic għall-Ispartans ipprova jillobja l-ballun minn fuq il-goalkeeper Jake Galea li iżda salva tajjeb. Erba’ minuti wara, Frank Sasere għolla d-daqqa ta’ ras tiegħu minn taħt il-lasti.
Minuta mill-ftuħ tat-tieni taqsima, il-goalkeeper ta’ Hamrun, Henry Bonello, salva x-xutt mid-distanza ta’ Milan Duric.
Fil-65 minuta, l-Ispartans resqu viċin li jiftħu l-iskor minn auto-goal meta l-goalkeeper, Jake Galea, inqabad barra minn postu mill-back pass ta’ Michael Johnson iżda rrimedja fil-ħin.
Fit-82 minuta f’kontrattakk veloċi, l-Ispartans kienu għoddhom għajtu l-għajta tal-goal meta Franklin Sasere żmarka lil Predrag Djordjevic li kellu x-xutt imxellef tiegħu jgħaddi jħakkek mal-mimduda.
Bl-iskor jibqa’ ma jinbidilx, il-partita kellha tmur għall-ħin barrani u fil-104 minuta Joseph Mbong kien sfortunat meta x-xutt tiegħu stampa mal-mimduda. Proprju, fl-aħħar sekondi tal-ewwel taqsima tal-ħin miżjud, Hamrun fetħu l-iskor permezz ta’ freekick mill-isbaħ ta’ FAISSAL EL BAKHTAOUI.
Iżda fil-115-il minuta Balzan kisbu l-goal tad-draw meta BOJAN KALJEVIC avvanza tajjeb fil-kaxxa u spara l-ballun fix-xibka.
Il-partita marret għall-għoti tal-penalties fejn finalment kienu Hamrun li ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 4-1.
Balzan: 12-Jake Galea, 3-Augustine Loof (21-Neil Frendo 106), 6-Marcus Grima, 7-Milan Duric, 8-Paul Fenech (22-Gary Camilleri 76), 15-Michael Johnson, 18-Uros Ljubomirac (9-Kevin Daniels 91), 19-Milos Zlatkovic, 20-Suleiman Jalu (86-Bojan Kaljevic 67), 23-Milos Mijic, 77-Aleksa Andrejic (88-Sean Cipriott 82) – Coach: Paul Zammit
HAMRUN S.: 1-Henry Bonello, 4-Darko Gojkovic, 7-Joseph Mbong, 12-Arthur Oyama, 15-Steve Borg, 17-Franklin Sasere, 20-Matteo Fedele (10-Jorge Ailton Soares 67), 28-Juan Carlos Corbalan (30-Karl Micallef 106), 29-Predrag Djordjevic (23-Luke Gambin 91), 91-Emerson Marcelina, 92-Faissal El Bakhtaoui – Coach: Branko Nisevic
REFEREE: Andrea Sciriha
ASS. REFEREES: Luke Portelli, Duncan Spencer
RABA’ UFF: Matthew Degabriele
SKORERS: F. El Bakhatoui 105 (H), B. Kaljevic 115 (B)
AMMONITI: P. Djordjevic (H), M. Grima (B)
Penalties: A. Oyama, F. Sasere, J. Mbong, S. Borg (HS); M. Duric (B)