Ħamrun Spartans Veterans rebħu l-KIA Premier League organizzat mill-Malta Veterans Association meta fl-aħħar partita deċiżiva tal-kampjonat spiċċaw fi dro ta’ 1-1 kontra l-isfidanti MFPA.
Kienet logħba ferm sabiħa u inċerta sal-aħħar biż-żewġ timijiet li kellhom numru ta’ plejers li fil-passat konna narawhom jilagħbu fl-ogħla kampjonat Malti tal-futbol.
Ħamrun fetħu tajjeb u bdew jimpenjaw serjament lill-gowlkiper Reuben Gauci bejn il-lasti tal-MFPA.
F’nofs l-ewwel taqsima, kien Nikolay Filipov li poġġa lill-Ħamruniżi fil-vantaġġ wara lob sabiħ li bih għeleb lil Gauci.
Fit-tieni taqsima, kif mistenni l-MFPA bdew jattakkaw sabiex iġibu l-iskor indaqs fejn il-keeper Ħamruniż Reuben Debono iddistingwa ruħu b’diversi saves tajbin.
Minkejja kollox, MFPA ġabu l-iskor indaqs mal-kwarta logħob tat-tieni taqsima b’xutt fil-baxx ta’ Alexander Ribic.
Minkejja li MFPA ippruvaw, Ħamrun Spartans żammew sod sabiex kienu huma li ħadu t-titlu finali.