Tuesday, September 24, 2024

Hamrun Spartans kellhom jitħabtu kontra Mosta

Aqra wkoll

Hamrun S………….2

Mosta………………..1

Hamrun Spartans kellhom jitħabtu biex għelbu l-isfida ta’ Mosta bl-iskor ta’ 2-1, biex b’hekk ikkonsoildaw posthom fil-quċċata tal-klassifika bi 22 punt.

Kienu Hamrun li ħolqu l-ewwel periklu fil-11-il minuta meta Ryan Camenzuli ttanta xortih permezz ta’ xutt mjd-distanza li għadda ftit barra.

Mosta wieġbu fl-24 minuta meta l-player żagħżugħ Zachary Brincat kellu xutt sabiħ minn pożizzjoni ideali li ġie salvat f’żewġ tentattivi mill-goalkeeper Spanjol tal-Ispartans, Pablo Sanchez, li f’din il-partita kien qed jieħu post il-goalkeeper titolari, Henry Bonello.

Mill-azzjoni li segwiet fuq in-naħa l-oħra tal-pitch sekondi biss wara, Hamrun rebħu penalty meta Roderick Briffa waqqa’ lil Vinicius De Freitas Ribeiro fil-kaxxa. Mill-11-il metru nkariga ruħu, LUKE MONTEBELLO, li ma żbaljax hekk kif permezz ta’ xutt fil-baxx tefa’ l-ballun naħa u lill-goalkeeper ta’ Mosta Ini Etim Akpan in-naħa opposta.

Il-partita kompliet tisbieħ u fit-33 minuta Mosta tilfu ċans tad-deheb li jġibu l-iskor indaqs meta Christ Ememe xeħet cross għan-nofs li minnu Zachary Brincat ma rnexxielux jagħmel kuntatt mal-ballun li finalment intemm għand Duane Bonnici li iżda minn taħt il-lasta kellu t-tentattiv tieghu jaħbat max-xibka minn barra biex b’hekk ta l-illużjoni tal-goal.

Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, Mosta ħarġu ferm aggressivi fit-tentattiv ovvju li jġibu l-iskor indaqs u fl-54 minuta Christ Ememe kellu xutt mil-lemin li għadda ftit barra.

Huma komplew fuq l-offensiva u żewġ minuti biss wera Duane Bonnici kellu xutt mill-viċin li ħabat max-xibka minn barra.

Kulma jmur kompla d-dominju assoluat tal-Mostin u ta’ dan ġew ippremjati meta fis-60 minuta ġabu l-iskor indaqs hekk kif Clayton Failla indirizza cross preċiż mil-lemin li sab lil CHRIST EMEME li kien fil-post it-tajjeb fil-mument opportun u permezz ta’ daqqa ta’ ras preċiża mill-viċin tefa’ ġewwa, b’dan ikun biss it-tieni goal li sofrew l-Ispartans f’dan l-istaġun wara dak li sofrew fir-rebħa ta’ 4-1 kontra Hibernians fl-ewwel ġurnata.

Iżda kellhom ikunu Hamrun Sparatns li jiskorjaw il-goal tar-rebħa fit-83 minuta meta wara li rċieva minn azzjoni ta’ corner mogħti mis-sostitut Matteo Fedele, MATTHEW GUILLAUMIER daħal bħal vleġġa u mill-viċin tefa’ ġewwa.

U proprju żewġ minuti biss wara l-Ispartans kellhom f’saqajhom it-tielet goal meta Ryan Camenzuli venven xutt b’saħħtu minn ġol-kaxxa li ħareġ l-aħjar ta’ Akpan li salva bi bravura biex salva goal ċert.

Mosta tilfu ċans tad-deheb li jġibu l-iskor indaqs fil-ħin miżjud meta minn freekick mogħti minn Clayton Failla, Steve Kingue, kellu daqqa ta’ ras b’saħħitha li rat lil Pablo Sanchez idawwar f’corner b’mod spettakolari.

Hamrun S.: 56-Pablo Sanchez, 4-Steve Borg, 6-Matthew Guliamauier, 7-Luke Montebello (10-Jorge Ailton Soares 63), 17-Vinicius Ribeiro De Freitas (77-Shaisen Attard 87), 25-Ederson Bruno Domingos, 27-Ognjen Bjelicic (20-Matteo Fedele 70), 28-Juan Carlos Corbalan, 63-Jonny (9-Elvis Mashike Sukisa 63), 91-Emerson Marcelina, 94-Ryan Camenzuli Coach: Branko Nisevic

Mosta: 12-Ini Etim Akpan, 6-Roderick Briffa (16-Gianluca Sciberras 65), 8-Christ Ememe, 11-Duane Bonnici (14-Kalu Nsumoh 83), 13-Clayton Failla, 20-Bouabakary Diarra, 30-Jacob Nil Martey Akrong, 33-Geoffrer Edwin Acheampong, 43-Steve Kingue, 74-Jake Vassallo, 77-Zachary Brincat (9-Victor Mbata 83) Coach: joseph Grech

Referee: Alex Johnson

Ass. Referees: Duncan Spencer, Paul Apap

Raba’ Uffiċjal: Philip Farrugia

Skorers: L. Montebello pen. 25, M. Guillaumier 83 (H), C. Ememe 60 (M)

Ammoniti: L. Montebello (H), C. Ememe (M)

Player tal-Logħba: Christ Ememe (M)

Sport