Ħames persuni ġew akkużati b’rabta mal-mewt tal-eks kantant ta’ One Direction Liam Payne fl-Arġentina.
Payne, li kellu 31 sena, miet fis-16 ta’ Ottubru li għadda wara li waqa’ mill-gallarija tat-tielet sular ta’ lukanda fi Buenos Aires.
L-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Arġentina qal li l-maniġer tal-lukanda Gilda Martin, ir-receptionist Esteban Grassi kif ukoll il-ħabib ta’ Payne – Roger Nores – ġew akkużati bi qtil involontarju.
Ezequiel Pereyra – li kien jaħdem ukoll fil-lukanda – u Braian Paiz, li jaħdem bħala waiter, ġew mixlija li fornew id-droga.
Taħt is-sistema legali tal-Arġentina, l-Uffiċċju tal-Prosekutur jiġbor il-provi li mbagħad jippreżentahom lil Imħallef u dan irid jiddeċidix jipproċedix biex l-akkużati jgħaddu ġuri.
Skont stqarrija maħruġa mill-Uffiċċju tal-Prosekutur, l-Imħallef Laura Bruniard diġà ħadet id-deċiżjoni li tipproċedi għall-istadju li jmiss.
L-Avukati Difensuri jistgħu jappellaw minn din id-deċiżjoni. Jekk dan l-appell ma jintlaqax, jibdew jinstemgħu l-provi b’rabta ma’ dan il-każ.
F’dokumenti tal-Qorti, l-Imħallef Bruniard elenkat l-akkużi kontra l-ħames suspettati, li ssir referenza għalihom bl-inizjali tagħhom, kif inhi l-prassi f’dan l-istadju tal-proċeduri.
L-Imħallef Bruniard qalet li ma temminx li l-ħabib ta’ Payne, il-maniġer tal-lukanda u r-receptionist kienu qed “jippjanaw jew riedu li Payne imut” iżda l-azzjonijiet tagħhom allegatament ħolqu riskju għal ħajtu.
Jekk jinstabu ħatja, dawn it-tliet persuni jistgħu jaffaċċjaw sentenzi ta’ bejn sena u ħames snin ħabs. Is-sentenza b’rabta mal-forniment tad-droga hi aktar ħarxa u tvarja bejn erba’ u 15-il sena ħabs.