L-awtoritajiet Ukreni ħabbru li f’għeluq is-sitt xhur mill-bidu tal-invażjoni Russa ġew sparati rokits f’attakk lejn stazzjon tal-ferrovija f’Chaplyne li ħallew 22 persuna mejta.
Skont stqarrija maħruġa minnhom, ħamsa mill-vittmi mietu maħruqin fil-vettura tagħhom u li kien hemm ukoll tifel ta’ 11-il sena fosthom.
Il-President Volodymyr Zelensky ħabbar dwar l-attakk f’nofs laqgħa tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UN) fejn qal li madwar 50 persuna weġġgħu. Sadanittant ir-Russja għadha ma għamlet l-ebda kumment b’rabta mal-attakk anke minħabba li ripetutament ċaħdet attakki fuq infrastrutturi ċivili.
Zelensky qal li sar jaf bl-attakk fuq Chaplyne, fir-reġjun ta’ Dnipropetrovsk, hekk kif kien qed jipprepara biex jitkellem mal-Kunsill tas-Sigurtà, u żied biex jgħid li “Dan huwa l-mod kif ir-Russja ħejjiet għal-laqgħa tal-kunsill tas-Sigurtà tan-NU. Erba’ vaguni tal-passiġġieri qed jieħdu n-nar bħalissa u in-numru ta’ mwiet jista’ jiżdied.”
Dan ma kienx każ iżolat hekk kif ftit tax-xhur ilu, proprju f’April li għadda, strajkfuq stazzjon ieħor tal-ferroviji ħalla ’il fuq minn 50 katavru.
Hekk kif l-Ukreni kienu qegħdin jiċċelebraw il-jum annwali tal-indipendenza, il-President Ukren kien bassar li r-Russi setgħu jwettqu xi ħaġa krudili biex ifixklu dawn iċ-ċelebrazzjonijiet.
Fl-istess laqgħa, is-Segretarju Ġenerali tan-NU qal li l-“gwerra bla sens” tista’ timbotta miljuni ta’ nies f’faqar estrem, kemm fl-Ukrajna kif ukoll lil hinn minnha.
Bosta gruppi ta’ persuni minn pajjiżi madwar id-dinja inġabru fit-toroq biex jimmarkaw l-indipendenza tal-Ukrajna. Mexxejja ta’ pajjiżi ngħaqdu wkoll biex jappoġġjaw lil dan in-nazzjon li issa ilu 6 xhur assedjat.
Fost dawk li bagħtu messaġġi ta’ kuraġġ kien hemm pajjiżi bħall-Awstralja, il-Ġermanja, il-Finlandja, il-Polonja, it-Turkija u aktar. Fil-Vatikan, il-Papa Franġisku sejjaħ għal “passi konkreti” biex tintemm il-gwerra u jiġi evitat ir-riskju ta’ diżastru nukleari fl-impjant nukleari ta’ Zaporizhzhia.
Min-naħa l-oħra ċ-ċelebrazzjonijiet tal-massa fl-Ukrajna kienu pprojbiti minħabba biża’ li r-Russi setgħu japprofittaw mis-sitwazzjoni u jimmiraw fuq iċ-ċittadini miġbura.